32001D0923



Official Journal L 339 , 21/12/2001 P. 0050 - 0054


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-17 ta' Diċembru 2001

li tistabilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm "Pericles")

(2001/923/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari t-tielet sentenza ta' l-Artikolu 123(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew [3],

Billi:

(1) It-Trattat jitlob illi l-Komunità tieħu dawk il-miżuri li huma meħtieġa għall-introduzzjoni rapida tal-euro bħala l-munita unika.

(2) Fir-Rakkomandazzjoni tas-7 ta' Lulju 1998 dwar l-adozzjoni ta' ċerti miżuri li jsaħħu l-protezzjoni legali tal-karti u muniti tal-euro [4], il-Bank Ċentrali Ewropew talab lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi koperazzjoni li tiġġieled l-iffalsifikar tal-karti u muniti tal-euro. Il-Bank Ċentrali Ewropew issuġġerixxa wkoll illi l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkonsidraw jekk jimplimentawx miżuri sabiex isaħħu l-ġlieda kontra l-iffalsifikar.

(3) Fil-komunikazzjoni tat-22 ta' Lulju 1998 lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-protezzjoni tal-euro, il-Kummissjoni qalet illi hi kienet ħa teżamina l-possibilità li tniedi skema għal dawk kollha involuti fis-sistema ta' prevenzjoni, skoperta u suppressjoni ta' l-iffalsifikar tal-munita, taħt liema skema kellhom jiġu determinati linji ta' gwida għall-ippjanar tal-futur.

(4) Fit-28 ta' Ġunju 2001 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru. 1338/2001 li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar [5] u li jitratta l-iskambju ta' informazzjoni, koperazzjoni u assistenza reċiproka, inklużi aspetti esterni tal-protezzjoni tal-euro u l-obbligi ta' rtirar imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa wkoll li jistablixxi qafas komprensiv ta' koperazzjoni sabiex jiġi applikat qabel l-introduzzjoni tal-karti u l-muniti tal-euro fl-2002. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta wkoll Regolament (KE) Nru. 1339/2001 li jistabbilixxi miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li ma adottawx il-euro bħala l-munita unika tagħhom [6].

(5) Konsultazzjonijiet u l-esperjenza wrew illi programm supplimentari, speċifiku u multi-dixxiplinarju organizzat fuq livell ta' Komunità u mwettaq fuq żmien twil x'aktarx li jkun aktar effettiv milli miżuri mwettqa fuq livell nazzjonali. Għaldaqstant, l-imsemmija żewġ Regolamenti għandhom jiġu supplimentati bl-adozzjoni ta' programm ta' azzjoni, bl-iskop li jrawwem kuxjenza fil-persuni involuti fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar permezz ta' implimentazzjoni ta' miżuri li, b'mod partikolari, jinvolvu l-iskambjar ta' informazzjoni, ta' mpjegati, ta' għajnuna teknika u xjentifika, u ta' miżuri ta' taħriġ. Dan il-programm jappoġġa u jikkomplimenta x-xogħol magħmul mill-Istati Membri in konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(6) Għandu jiġi assigurat illi dan il-programm ta' azzjoni tal-Komunità, li huwa mmirat lejn il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, huwa konsistenti ma', u komplimentarju għal programmi u attivitajiet eżistenti jew futuri.

(7) Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-BĊE fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, il-Kummissjoni ħa tagħmel konsultazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti (b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti nominate mill-Istati Membri, l-BĊE u l-Europol) fil-kumitat konsultattiv approprijat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, b'mod partikolari dwar skambji, assistenza u taħriġ, bl-iskop li jiġi implimentat dan il-programm.

(8) Il-Komunità għandha tinkoraġġixxi koperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex membri fil-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.

(9) Ammont finanzjarju ta' referenza, fis-sens tal-punt 34 tal-Ftehim Inter-Istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina fil-budget u dwar titjib fil-proċedura tal-budget, għandu jiġi inkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul kollu ta' dan il-programm, u dan mingħajr ma jaffetwa s-setgħat ta' l-awtorità dwar il-budget kif definiti fit-Trattat [7].

(10) Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-inizjattivi li jistgħu jittieħdu skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bl-iskop li jitwaqqfu programmi dwar aspetti tal-liġi kriminali.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment tal-programm

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta' azzjoni Komunitarju biex jappoġġja a u jissuplimenta l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u l-programmi stabbiliti jew li għad iridu jiġu stabbiliti, bl-iskop li jipproteġi l-euro kontra l-iffalsifikar.

2. Dan il-programm ta' azzjoni għandu jiġi msejjah bħala l-programm Pericles. Dan il-programm jiddekorri mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2005.

3. L-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programm għandha ssir skond l-Artikoli 5 sa 13.

Artikolu 2

L-għanijiet tal-programm

1. Il-programm ta' azzjoni Komunitarju għandu, permezz tal-miżuri varji msemmija fl-Artikolu 3, jfittex li jipproteġi l-euro kontra l-iffalsifikar. Il-programm għandu jqis aspetti trans-nazzjonali u multi-dixxiplinarji. Il-programm għandu jikkonċentra fuq il-promozzjoni ta' konverġenza tas-sustanza tal-miżuri sabiex jiggarantixxi livelli ta' protezzjoni ekwivalenti ibbażati fuq kunsiderazzjoni ta' l-aħjar prattika waqt li fl-istess ħin jirrispetta t-tradizzjonijiet distinti ta' kull Stat Membru.

2. B'mod partikolari, il-kompetenza tiegħu għandha tinkludi:

(a) it-trawwim ta' kuxjenza fl-impjegati konċernati dwar id-dimensjoni Komunitarja tal-munita l-ġdida (anke bħala munita ta' riserva u bħala munita għal operazzjonijiet internazzjonali);

(b) li jkun ta' katalista fl-inkoraġġiment ta' aktar koperazzjoni bejn l-istrutturi u l-impjegati konċernati, fl-iżvilupp ta' klima ta' fiduċja reċiproka u ta' tagħrif sodisfaċenti, inter alia ta' metodi ta' azzjoni u diffikultajiet, billi jippromwovi diversi miżuri xierqa bħal per eżempju postazzjonijiet tax-xogħol, laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni (workshops) speċjalizzati jew l-involviment ta' kelliema mistiedna f'taħriġ nazzjonali u skambji ta' impjegati;

(ċ) li jippromwovi konverġenza ta' attivitajiet ta' taħriġ ta' livell għoli għal min iħarreġ f'metodi li huma kompatibbli ma' l-istrateġiji operattivi nazzjonali;

(d) li jespandi t-tagħrif ġenerali, b'mod partikolari, tagħrif dwar il-liġijiet u strumenti Komunitarji u internazzjonali relevanti.

Artikolu 3

Il-miżuri

1. Il-kontenut tat-taħriġ u ta' l-appoġġ operazzjonali, ibbażat fuq approċċ multi-dixxiplinarju u trans-nazzjonali, għandu jinkludi, mhux biss aspetti ta' sigurtà, imma wkoll l-iskambju ta' informazzjoni, b'mod partikolari informazzjoni teknika u strateġika, u għajnuna teknika u xjentifika.

2. L-istabbiliment ta' skambji ta' informazzjoni fuq livell Komunitarju għandu jinvolvi, b'mod partikolari, metodoloġiji ta' kontroll u analiżi sabiex jiġu evalwati:

(a) l-impatt ekonomiku u finanzjarju ta' l-iffalsifikar;

(b) l-operazzjoni ta'databases;

(ċ) l-użu ta' għodda ta' skoperta bl-għajnuna tal-kompjuter;

(d) l-metodi ta' inkjesta u investigazzjoni;

(e) assistenza xjentifika (b'mod partikolari databases xjentifiki u għassa u kontroll teknoloġiku dwar żviluppi ġodda);

(f) operazzjoni ta' sistemi li jagħtu twissija bikrija;

(g) materji relatati, bħal per eżempju, sa fejn japplika l-obbligu li tingħata l-informazzjoni;

(h) l-protezzjoni ta' data personali;

(i) l-aspetti differenti ta' koperazzjoni;

(j) l-protezzjoni tal-euro barra l-Unjoni Ewropea;

(k) attivitajiet ta' riċerka, u

(l) il-provvista ta' kompetenza esperta u speċifika f'dan l-operat.

Dawn l-iskambji ta' informazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' diversi miżuri bħal per eżempju l-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, laqgħat u seminars, u politika ta' postazzjonijiet u skambji ta' l-impjegati mmirata lejn dan l-iskop.

3. Għajnuna teknika, xjentifika u operazzjonali għandha tirrigwarda, b'mod partikolari:

(a) kull miżura li tistabbilixxi riżorsi għat-tagħlim fuq livell Komunitarju (handbook ta' leġislazzjoni ta' l-UE, bullettini ta' informazzjoni, manwali prattiċi, glossarji u dizzjunarji, databases, b'mod speċjail fil-qasam ta' l-assistenza xjentifika u l-għassa tat-teknoloġija) jew programmi tal-kompjuter li joffru appoġġ (bħal per eżempju software);

(b) studji b'dimensjoni multi-dixxiplinarja u trans-nazzjonali, u

(ċ) l-iżvilupp ta' strumenti tekniċi li joffru appoġġ u metodi li jiffaċilitaw attivitajiet ta' skoperta fuq livell Komunitarju.

Artikolu 4

Lejn min huma mmirati l-azzjonijiet u l-kontribuzzjonijiet

1. Il-miżuri huma mmirati lejn il-gruppi li ġejjin:

(a) impjegati ta' l-aġenziji involuti fl-iskoperta ta' u fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar (b'mod partikolari, korpi tal-pulizija u amministrazzjonijiet finanzjarji skond il-funzjoni speċifika tagħhom fuq livell nazzjonali);

(b) il-persunal involut fil-ġbir ta' informazzjoni;

(ċ) rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali, taz-zekek u intermedjarji finanzjarji oħra (b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-obbligi ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji);

(d) rappreżentanti tal-banek kummerċjail (b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-obbligi ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji);

(e) uffiċjali ġudizzjarji u avukati speċjalizzati f'dan il-qasam;

(f) kull grupp ieħor ta' speċjalisti konċernati (bħal per eżempju, kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija jew strutturi simili li joffru aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, kummerċjanti u lil dawk involuti fit-trasportazzjoni ta' merkanzija bl-art.

2. Minbarra l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni, il-partijiet li ġejjin għandhom jiġu mistiedna jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità billi jagħmlu użu mill-kompetenza tagħhom fl-oqsma rispettivi:

(a) il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE dwar, inter alia, is-Sistema ta' Kontroll ta' l-Iffalsifikar (CMS);

(b) ic-Ċentri Nazzjonali ta' Analiżi (NAC) u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti (CNAC);

(ċ) iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u z-zekek nazzjonali;

(d) Europol u Interpol;

(e) l-uffiċji ċentrali nazzjonali għal kontra l-iffalsifikar, kif provdut fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Suppressjoni ta' Munita Falsifikata ffirmata f'Ġinevra fl-20 t'April 1929 [8] u aġenziji oħra speċjalizzati fil-prevenzjoni, skoperta u infurzar tal-liġi in konnessjoni ma' l-iffalsifikar;

(f) korpi speċjalizzati konċernati, per eżempju, minħabba teknoloġija ta' dupplikazzjoni u ċertifikazzjoni, printers u inċiżuri;

(g) kull korp ieħor li joffri l-kompetenza tiegħu, inklużi, fejn jixraq, pajjiżi terżi u b'mod partikolari l-pajjiżi li applikaw għall-adeżjoni.

Artikolu 5

Konsistenza u kumplimentarjetà

1. Il-programm għandu jiġi implimentat u ikkordinat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri f'ħidma fil-qrib bejniethom.

Din il-kordinazzjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni miżuri meħudin band'oħra, b'mod partikolari mill-BĊE u mill-Europol.

2. Il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari billi żżomm quddiem għajnejha immaniġjar finanzjarju b'saħħtu, tfittex li tassigura konsistenza u kumplimentarjetà bejn dan il-programm ta' azzjoni Komunitarju, immirat lejn il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, u programmi u attivitajiet oħra, kemm eżistenti u kif ukoll dawk futuri.

Artikolu 6

Ammont ta' referenza

L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1(2) huwa hawnhekk stabbilit bħala EUR 4 miljuni.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettivà finanzjarja.

Artikolu 7

Koperazzjoni internazzjonali

Fid-dawl ta' l-arranġamenti dwar id-distribuzzjoni tal-karti u l-muniti tal-euro, ħtiġiet operazzjonali, evalwazzjoni tat-theddida u analiżi tar-riskju, il-programm għandu jkun aċċessibli għall-pajjiiżi li applikaw għall-adeżjoni li huma assoċjati, skond il-kondizzjonijiet mniżżla fil-ftehim ta' assoċjazzjoni u fil-protokolli addizjonali tagħhom, kemm dawk konklużi u kemm dawk li għad iridu konklużi fil-futur, dwar il-partiċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fi programmi tal-Komunità.

Barra minn hekk, il-programm għandu, jekk ikun hemm bżonn, ikun aċċessibli għal pajjiżi li mhumiex membri, jekk ikun hemm approprjazzjonijiet disponibbli fil-budget tal-Komunità, taħt il-kondizzjonijiet u skond l-arranġamenti miftiehma ma' dawk il-pajjiżi.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finanzjarji għal laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, laqgħat u seminars

1. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, laqgħat u seminars imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) u organizzati mill-Kummissjoni:

(a) l-ispejjez li ġejjin għandhom jiġu mħallsa mill-Komunità:

(i) l-ispejjeż tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni fi Stat Membru ieħor ta' l-impjegati li qed jieħdu sehem u spejjeż ġenerali oħra marbuta ma' l-organizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet;

(ii) l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni u tat-traduzzjoni tal-materjal użat fit-tagħlim;

(b) l-ispejjeż li ġejjin għandhom jiġu mħallsa mill-Istati Membri:

(i) l-ispejjeż marbuta mat-taħriġ ta' l-impjegati tagħhom, kemm taħriġ inizjali u kif ukoll dak kontinwu, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu ma taħriġ tekniku;

(ii) ċerti spejjeż ta' loġistika marbuta ma' laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, laqgħat u seminars organizzati fit-territorju tagħhom b'fondi tal-Komunità (bħal per eżempju trasferimenti interni, kiri tas-swali fejn isiru dawn l-attivitajiet, provvista ta' faċilitajiet għall-interpretazzjoni).

2. Fejn il-laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, l-laqgħat u s-seminars imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) huma organizzati flimkien ma' msieħba oħra, bħal per eżempju l-B¬E, Europol jew Interpol, l-ispejjeż għandhom jiġu maqsuma bejniethom. Il-kontribuzzjoni ta' dawn l-imsieħba tista' tkun kontribuzzjoni in natura sakemm din tkun kontribuzzjoni sustanzjali. Fi kwalunkwe każ, kull sieħeb għandu jħallas l-ispejjeż tal-vjaġġ u ta' l-akkomodazzjoni tal-kelliema mistiedna tiegħu.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finanzjarji għall-iskambji ta' l-impjegati

1. L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta' impjegati mill-Istati Membri fil-postazzjonijiet jew skambji msemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) għandhom jiġu mħallsa mill-Komunità, sakemm dawk l-attivitajiet huma mmirati lejn l-għanijiet msemmija fl-Artikolu 2.

2. Madankollu, l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta' impjegati mill-Istati Membri f'postazzjonijiet jew skambji li mhumiex koperti mill-programm għandhom jiġu mħallsa mill-Istati Membri.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finanzjarji dwar l-assistenza

1. Il-Komunità għandha tħallas sa' 70 % tal-ispejjeż ta' l-appoġġ operazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(2) bħala kofinanzjarja, b'mod partikolari:

(a) l-ispejjeż tad-disinn u l-produzzjoni ta' riżorsi użati għat-tagħlim u programmi tal-kompjuter jew strumenti tekniċi b'dimensjoni Ewropea;

(b) l-ispejjeż ta' studji, bħal per eżemju studji komparattivi tal-liġi, studji dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.

Eċċezzjonalment, fejn għandhom x'jaqsmu inizzjattivi tal-Komunità, dawn il-miżuri ta' appoġġ operazzjonali jistgħu, madankollu, jiġu finanzjati sa' 100 %.

2. Madankollu, l-ispejjeż kollha marbuta ma' komponenti ta' riżorsi użati għat-tagħlim u ta' sistemi ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' l-informazzjoni li mhumiex tal-Komunità, jiġifieri, databases nazzjonali li jagħmlu parti minn dawk is-sistemi, konnessjonijiet b'networkbejn komponenti tal-Komunità u dawk li mhumiex tal-Komunità, u dak is-software u hardware li kull Stat Membru jqis xieraq għall-operazzjoni sħiħa ta' dawk is-sistemi fl-amministrazzjoni tiegħu, għandhom jiġu mħallsa mill-Istati Membri.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finanzjarji għal miżuri esterni

Skond il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 7, minbarra li tħallas l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni ta' uffiċjali minn pajjiżi terzi fil-laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, fil-laqgħat u fis-seminars msemmija fl-Artikolu 8, il-Komunità tista tikkofinanzja sa' 70 % ta' l-ispejjeż marbuta ma' miżuri ta' taħriġ fit-territorju ta' pajjiżi li mhumiex membri u miżuri ta' appoġġ operazzjonali f'dawk il-pajjiżi.

Artikolu 12

Preżentazzjoni u għażla ta' proġetti

1. Proġetti taħt dan il-programm jistgħu joriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew mill-Kummissjoni.

Stati Membri jistgħu jippreżentaw mhux aktar minn proġett fis-sena (dwar laqgħat ta' gruppi ta' diskussjoni, laqgħat u seminars imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2)) Proġetti dwar postazzjonijiet, skambji jew assistenza jistgħu jiġu preżentati wkoll.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħżel proġetti preżentati mill-Istati Membri, u mill-proġetti maħsuba fuq inizzjattiva tagħha stess, a bażi ta' dawn il-kriterji:

(a) konformità ma' l-għanijiet tal-programm kif definiti fl-Artikolu 2;

(b) id-dimensjoni Ewropea, inklużi b'mod partikolari aspetti dwar koperazzjoni mal-BĊE u l-Europol;

(ċ) kumplimentarjetà ma' proġetti oħra, kemm dawk il-proġetti li saru qabel, kemm dawk kurrenti u kif ukoll dawk futuri;

(d) il-kapaċità ta' l-organizzatur li jimplimenta l-proġett;

(e) il-kwalità intrinsika tal-proġett u r-ratio ta' effiċjenza a paragun ta' l-ispejjeż;

(f) l-ammont ta' għajnuna mitluba u jekk hijiex proporzjonata meta mqabbla mar-riżultati antiċipati;

(g) l-impatt tar-riżultati antiċipati fuq il-kisba ta' l-għanijiet tal-programm.

Għandhom jiġu magħżula dawk il-proġetti li l-aktar jaqblu ma' l-għanijiet imsemmija hawnhekk.

3. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm b'koperazzjoni mal-Istati Membri.

Artikolu 13

Follow-up u evalwazzjoni

1. Il-benefiċjarji ta' kull proġett magħżul għandhom iressqu rapport annwali quddiem il-Kummissjoni.

2. Meta l-proġetti jiġu kompluti, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' kif kienu implimentati u l-impatt li huma kellhom, sabiex tkun tista' tara jekk l-għanijiet stabbiliti fil-bidu kienux miksuba.

3. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a) sat-30 ta' Ġunju 2005, rapport, indipendenti mill-maniġer tal-programm, li jevalwa r-rilevanza, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-programm, u komunikazzjoni dwar jekk dan il-programm għandux jitkompla u adattat, flimkien ma' proposti approprijati;

(b) meta l-programm jiġi komplut u mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2006, rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm, li jiddeskrivi, b'mod partikolari, il-valur miżjud ta' l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità.

Artikolu 14

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett f'dawk l-Istati Membri li adottaw il-euro bħala l-munita unika.

Artikolu 15

Data operazzjonali

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjail tal-Komunitajiet Ewropej.

Hija għanda tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2002

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] ĠU C 240 E, tat-28.8.2001, p. 120.

[2] Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Novembru 2001 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjail)

[3] ĠU C 293, tad-19.10.2001, p. 3.

[4] ĠU C 11, tal-15.1.1999, p. 13.

[5] ĠU L 181, ta' l-4.7.2001, p. 6.

[6] ĠU L 181, ta' l-4.7.2001, p. 11.

[7] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[8] Serje ta' Trattati tas-Soċjetà tan-Nazzjonijiet Nru 2623 (1931), p. 372.

--------------------------------------------------