32000R2012



Official Journal L 241 , 26/09/2000 P. 0018 - 0020


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2000

tal-21 ta' Settembru 2000

li jemenda l-Anness 4 tal-Protokoll Nru 9 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994 u r-Regolament (KE) Nru 3298/94 fir-rigward tas-sistema ta' ekopunti għall-vetturi li jġorru oġġetti tqal fi transitu mill-Awstrija

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidra l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Isvezja, u b'mod partikolari l-Artikoli 11(2) u 16 tal-Protokoll Nru 9 tiegħu,

Waqt li jaġixxi b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fil-Protokoll Nru 9,

Billi:

(1) Il-protokoll Nru 9 jipprovdi għal reġim speċjali li jirrigwarda t-transitu ta' vetturi li jġorru oġġetti tqal mit-territorju Awstrijak ibbażata fuq is-sistema tad-Drittijiet ta' Transitu (ekopunti). L-iskala ta' distribuzzjoni ta' ekopunti lill-Istati Membri hi mogħtija mill-Anness 4 tal-Protokoll.

(2) L-Artikolu 11(2)(ċ) tal-Protokoll Nru 9 jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta miżuri xierqa b'mod konformi mal-paragrafu 3 ta' l-Anness 5 tiegħu jekk in-numru tal-vjaġġi fi transitu mill-Awstija jeħtieġu ekopunti fi kwalunkwe sena li jaqbżu l-figura ta' referenza stabbilita għall-1991 b'iżjed minn 8 %.

(3) Il-paragrafu 3 ta' l-Anness 5 tal-Protokoll ifassal ir-regoli biex jiġi stabbilit in-numru rivedut ta' ekopunti li għandu jsir disponibbli fil-każ li l-figura ta' referenza ta' l-1991 tinqabeż.

(4) Il-limitu stabbilit fl-Artikolu 11(2)ċ imsemmi hawn fuq inqabeż fl-1999. L-applikazzjoni tal-metodu ta' kalkolazzjoni stabbilit fil-paragrafu 3 ta' l-Anness 5 għandha twassal għal tnaqqis fin-numru globali ta' l-ekopunti disponibbli.

(5) Il-protokoll Nru 9 irid ikun applikat b'mod konformi mal-libertajiet fundamentali stabbiliti bit-Trattat. Huwa għalhekk imperattiv li jittieħdu miżuri li huma kapaċi jassiguraw il-moviment ħieles ta' l-oġġetti u l-iffunzjonar sħiħ tas-suq intern.

(6) Jekk t-tnaqqis sħiħ ta' l-ekopunti jiġi impost biss fis-sena 2000 dan ikollu effett sproporzjonat li jwaqqaf, għal kull skopijiet u raġunijiet, it-traffiku fi transitu mill-Awstrija. B'riżultat ta' dan, it-tnaqqis fin-numru totali ta' ekopunti għandu jkun mifrux matul is-snin 2000 sa 2003.

(7) Il-proporzjonalità tat-tnaqqis ta' ekopunti teħtieġ ukoll li dawk l-Istati Membri li jikkontribwixxu l-iżjed biex jinqabeż il-limitu ta' 8 % għandhom ikollhom l-allokazzjoni ta' l-ekopunti tagħhom maqtugħa biex jassiguraw li t-tnaqqis totali jintlaħaq. Din issejjaħ għar-reviżjoni ta' kif issir id-distribuzzjoni ta' ekopunti lill-Istati Membri.

(8) Sabiex jiġi żgurat l-aktar metodu effiċjenti tan-numru ta' ekopunti disponibbli, għandhom jittieħdu miżuri li jinkoraġġixxu li iżjed Stati Membri jirritornaw ekopunti li m'humiex użati lill-Kummissjoni għal tqassim mill-ġdid.

(9) Użu aktar intensiv tal-merkanzija bil-ferrovija fi trasport kombinat, b'mod partikolari tar-"Rollende Landstraße", hi ta' inqas ħsara għall-ambjent minn merkanzija bit-triq u għandu l-potenzjal li jnaqqas il-pressjoni fuq in-numru ta' ekopunti disponibbli. L-użu iktar effiċjenti tiegħu, inter alia billi tirrevedi l-mod ta' kif il-postijiet huma awtorizzati, għandhom ikunu promossi b'mod urġenti. L-effetti ta' dawn l-isforzi għandhom jiġu ssorveljati.

(10) L-Anness 4 tal-Protokoll Nru 9 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3298/94 [1] għandhom jiġu emendati kif meħtieġ.

(11) Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 9 m'għandux jagħti opinjoni dwar il-miżuri stabbiliti fil-proposta. B'mod konformi ma' l-Artikolu 16(3) tal-Protokoll Nru 9 il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tissottometti lill-Kunsill proposta li għandha x'taqsam mal-miżuri li għandhom jittieħdu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Anness 4 tal-Portokoll Nru 9 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Isvezja għandu jkun emendat kif ġej:

"Sena | Perċentwal ta' ekopunti | Ekopunti għall-UE-15 |

(1) | (2) | (3) |

2000 | 48,5 % | 11428150 |

2001 | 47,2 % | 11121897 |

2002 | 43,5 % | 10250317 |

2003 | 39,6 % | 9321531" |

L-Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 3298/94 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(2) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Fiċ-ċirkustanzi stabbliti fl-Artikolu 11(2)(ċ) tal-Protokol Nru 9, n-numru ta' ekopunti għandu jiġi mnaqqas. It-tnaqqis għandu jiġi kkalkulat billi jintuża l-metodu stabbilit fil-punt 3 ta' l-Anness 5 tal-Protokoll Nru 9. It-tnaqqis ta' ekopunti ikkalkulat b'dan il-mod għandu jkun mifrux matul diversi snin."

2. Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 7:

"3. Kull sena l-Kummissjoni għandha tieħu nota ta' l-ekopunti allokati lil kull stat Membru li, fl-1 ta' Frar, kienu validi għall-użu fis-sena ta' qabel u li baqgħu ma ntużawx u ma ġewx ritornati lill-Kummissjoni b'mod konformi mal-paragrafu 2. Jekk il-kwanità mhux użata tkun akbar minn 2 % ta' l-allokazzjoni ta' ekopunti ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tnaqqas kwanità ekivalenti ta' ekopunti mill-allokazzjoni ta' Stat Membru għal dik is-sena. Din il-kwanità ta' ekopunti għandha tiġi miżjuda mar-Riserva ta' l-UE għal dik is-sena."

3. L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

"L-Artikolu 14b

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-attivitajiet imwettqa mill-Awstrija u mill-Istati Membri l-oħrajn biex itejbu l-livell ta' servizz ipprovdut fit-trasport kombinat minn nofs l-Alpi. L-ewwel rapport għandu jsir mill-Kummissjoni fl-2001."

4. L-Anness D huwa mibdul b'dan li ġej:

"

L-ANNESS D

DISTRIBUZZJONI TA' EKOPUNTI 2000-2003

Pajjiż | 2000 | 2001 | 2002 | 2003 |

I | 3789047 | 3688365 | 3401686 | 3076080 |

D | 3548525 | 3453294 | 3182073 | 2898150 |

A | 1519487 | 1476911 | 1355433 | 1274152 |

NL | 934373 | 909981 | 840560 | 750500 |

GR | 455749 | 443800 | 409792 | 366994 |

DK | 306414 | 298415 | 275649 | 246115 |

B | 240765 | 234349 | 216080 | 195793 |

UK | 64309 | 62630 | 57852 | 51654 |

S | 57042 | 55553 | 51315 | 45817 |

F | 37829 | 36841 | 34031 | 30385 |

LUX | 37829 | 36841 | 34031 | 30385 |

SF | 34986 | 34072 | 31473 | 28101 |

E | 9079 | 8842 | 8167 | 7292 |

IRL | 7566 | 7368 | 6806 | 6077 |

P | 3026 | 2947 | 2722 | 2431 |

RIŻERVA UE | 382105 | 371688 | 342547 | 311605 |

TOTAL | 11428150 | 11121897 | 10250317 | 9321531 |

"

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Settembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Védrine

[1] ĠU L 341, tat-30.12.1994, p. 20. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1524/96 (ĠU L 190, tal-31.7.1996, p. 13).

--------------------------------------------------