Official Journal L 378 , 31/12/1994 P. 0001 - 0004
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 37 P. 0290
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 37 P. 0290
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni tat-Tieni Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra (94/981/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 228(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li ntlaħqu f'Essen fid-9 u l-10 ta' Diċembru 1994, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi l-Kummissjoni innegozjat f'isem il-Komunitajiet it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Temporanju [1] dwar il-kummerċ u affarijiet relatati miegħu u għall-Ftehim Ewropew mar-Repubblika tal-Bulgarija, Billi hu meħtieġ li jiġi approvat dan it-Tieni Protokoll Addizzjonali, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 It-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija min-naħa l-oħra, u għall-Ftehim Temporanju dwar il-kummerċ u affarijiet relatati miegħu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar il-Faħam u l-Azzar, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija min-naħa l-oħra, hu hawnhekk approvat f'isem il-Komunità Ewropea. It-test tat-Tieni Protokoll Addizzjonali hu mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 tat-Tieni Protokoll Addizzjonali dwar prodotti agrikoli li jaqgħu taħt l-Anness II tat-Trattat u li jkunu suġġetti, fil-qafas ta' l-organizzazzjoni tas-suq komuni għal sistema ta' imposti, jew ta' dazji tad-dwana, u dwar prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet 07119040, 20031020 u 20031030 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib [2], jew fid-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' Regolamenti oħra li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli.. Meta l-applikazzjoni tal-Ftehim titlob kooperazzjoni fil-qrib mal-Bulgarija, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura din il-kooperazzjoni. Artikolu 3 Il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat jinnomina persuna bis-setgħa li tiffirma t-Tieni Protokoll Addizzjonali f'isem il-Komunità Ewropea. Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 8 tat-Tieni Protokoll Addizzjonali f'isem il-Komunità Ewropea. Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 1994. Għall-Kunsill Il-President H. Seehofer [1] ĠU L 323, tat-23.12.1993, p. 2. [2] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1880/94 (ĠU L 197, tat-30.7.1994, p. 21). --------------------------------------------------