31994D0276



Official Journal L 119 , 07/05/1994 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 30 P. 0300
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 30 P. 0300


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tad-19 ta’ april 1994

dwar azzjoni konġunta adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta’ l-Artikolu J (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’appoġġ għall-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani

(94/276/PESK)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli J (3) u J (11) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-linji gwida ġenerali maħruġa mill-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ottubru 1993,

Wara li kkunsidra l-qafas għall-azzjoni konġunta miftiehma mill-Kunsill Ewropew fil-10 u l-11 ta’ Diċembru 1993,

Wara li kkunsidra l-Artikolu Ċ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

(a) Sabiex taħdem għall-konklużjoni ta’ paċi komprensiva fil-Lvant Nofsani msejsa fuq ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea se:

- tipparteċipa fl-arranġamenti internazzjonali miftiehma mill-partijiet sabiex jiġġarantixxu l-paċi fil-kuntest tal-progress mibdi f’Madrid,

- tuża l-influwenza tagħha sabiex tinkoraġġixxi lill-partijiet kollha jappoġġjaw il-proċess tal-paċi mingħajr kondizzjonijiet fuq il-bażi ta’ l-istedin tal-Konferenza ta’ Madrid u li jaħdmu sabiex jissaħħu d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

- tagħmel il-kontribuzzjoni tagħha sabiex tiġi ddefinita l-għamla tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet reġjonali fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll ta’ l-Armi u s-Sigurtà Reġjonali.

(b) L-Unjoni Ewropea ser:

- tiżviluppa r-rwol tagħha fil-Kumitat ad hoc tal-Kuntatt responsabbli mill-kordinazzjoni ta’ l-għajnuna internazzjonali lit-Territorji Okkupati,

- iżżomm ir-rwol tagħha ta’ mexxejja fil-grupp tax-xogħol dwar l-iżvilupp ekonomiku reġjonali (REDWG) u tiżviluppa l-parteċipazzjoni tagħha fi gruppi oħra multilaterali,

- tikkunsidra manjieri addizzjonali li bihom tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun.

(ċ) L-Unjoni Ewropea ser:

- tidħol għal miżuri li jkabbru l-fiduċja li hija ssottomettiet lill-partijiet,

- tidħol għal démarches ma’ l-Istati Għarab bil-għan li tiżgura t-tmiem tal-bojkott fuq l-Iżrael,

- issegwi mill-qrib il-kolonji futuri Iżraeliti fit-Territorji Okkupati kollha u tidħol għal démarches ma’ l-Iżrael dwar din il-kwistjoni.

Artikolu 2

Skond il-proċeduri Komunitarji rilevanti, il-Kunsill se jeżamina l-proposti li l-Kummissjoni se tagħmel:

- rigward l-implimentazzjoni rapida tal-programmi ta’ għajnuna għall-iżvilupp tat-Territorji Okkupati u l-estimi finanzjarji operattivi Palestinjani, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Palestinjani u daqstant ieħor f’kordinazzjoni mill-qrib mad-donaturi l-oħra,

- li tipprovdi l-għajnuna fil-qafas tal-linji gwida eżistenti lill-partijiet l-oħra fin-negozjati bilaterali kif dawn jagħmlu progress sostanzjali lejn il-paċi.

Artikolu 3

Sabiex tikkontribwixxi b’mod attiv u urġenti għall-ħolqien ta’ Forza tal-Pulizija Palestinjana:

(a) L-Unjoni Ewropea se tipprovdi assistenza.

(b) Il-Presidenza f’koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni se tiffaċilita l-kordinazzjoni permezz ta’ skambju tat-tagħrif bejn l-Istati Membri dwar l-assistenza bilaterali tagħhom.

(ċ) Se jintużaw fondi għal ammont massimu ta’ ECU 10 miljuni disponibbli mill-estimi finnzjarji tal-Komunità bħala materja ta’ urġenza għall-provvediment ta’ l-assistenza u għall-ħolqien ta’ Forza tal-Puliziji Palestinjana.

Artikolu 4

Fuq it-talba tal-partijiet, l-Unjoni Ewropea se tipparteċipa fil-protezzjoni tal-poplu Palestinjan permezz ta’ preżenza temporanja internazzjonali fit-Territorji Okkupati, kif ordnata fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 904 (1994).

L-aranġamenti operazzjonali u l-finanzjament li joħorġu minn dan l-Artikolu jkunu bla ħsara għal deċiżjoni separata u speċifika tal-Kunsill.

Artikolu 5

Fuq it-talba tal-partijiet, l-Unjoni Ewropea se timplimenta programm ikkordinat ta’ assistenza sabiex tħejji għall-elezzjonijiet fit-Territorji Okkupati maħsuba minn qabel bid-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji tat-13 ta’ Settembru 1993 u tosservahom. L-arranġamenti operazzjonali preċiżi u l-finanzjament ikunu bla ħsara għal deċiżjoni separata tal-Kunsill ġaladarba jkun intlaħaq ftehim bejn l-Iżrael u l-PLO dwar l-arranġamenti għall-elezzjonijiet. Il-Parlament Ewropew se jiġi mistiedem sabiex jipparteċipa f’dawn l-arranġamenti.

Artikolu 6

L-Unjoni Ewropea tikkonferma r-rieda tajba tagħha li tieħu iktar deċiżjonijiet operazzjonali fil-kamp ta’ din l-azzjoni konġunta, skond l-iżviluppi fil-proċess tal-paċi.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-lum.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ April 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

Th. Pangalos

--------------------------------------------------