Official Journal L 004 , 08/01/1993 P. 0022 - 0025
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 47 P. 0181
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 47 P. 0181
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 92/105/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1992 li tistabbilixxi grad ta’ standardizzazzjoni għal passaporti ta’ pjanti biex jintużaw għaċ-ċaqliq ta’ ċerti pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra ġewwa l-Komunità, u li tistabbilixxi l-proċeduri dettaljati dwar il-ħruġ ta’ passaporti simili u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-bdil tagħhom IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 fuq miżuri protettivi kontra d-dħul ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi dannużi għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità [1], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/10/KEE [2],u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(f) it-tieni sottoparagrafu, u l-Artikolu 10(4) tagħha, Billi t-tħaddim tas-sistema tas-saħħa tal-pjanti tal-Komunità għall-Komunità bħala żona mingħajr fruntieri interni jkun jenħtieġ l-iċċekkjar tas-saħħa tal-pjanti fuq prodotti tal-Komunità potenzjalment perikolużi qabel iċ-ċaqliq tagħhom ġewwa l-Komunità; billi l-post l-aktar addattat biex isir dan l-iċċekkjar huwa l-post tal-produzzjoni ta’ produtturi elenkati f’reġistru uffiċjali; Billi, jekk ir-riżultat ta’ dan l-iċċekkjar ikun sodisfaċenti, minflok l-attestat fitosanitarju użat f’organizzazzjonijiet internazzjonali tal-kummerċ, passaport għall-pjanti addattat għat-tip ta’ prodott għandu jkun mehmuż mal-pjanti, ma’ l-ippakkjar tagħhom jew mal-vettura li ġġorrhom, biex tiżgura l-moviment ħieles tagħhom fil-Komunità kollha jew għal dawk il-partijiet tagħha li għalihom ikun validu; Billi, fil-każ ta’ pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra li joriġinaw minn barra l-Komunità, li sarilhom b’suċċess l-iċċekkjar tas-saħħa tal-pjanti meħtieġ meta daħlu l-ewwel darba fil-Komunità, passaport tal-pjanti għandu wkoll ikun mehmuż għall-istess skop; Billi huwa meħtieġ li jkun hemm ipprovduta forma standardizzata għat-tipi differenti ta’ pjanti jew prodotti tal-pjanti; Billi, madankollu, matul il-fażi inizjali sistema ta’ l-użu ta’ passaport tal-pjanti ssimplifikat bi grad ta’ standardizazzjoni għandha tintuża biex ikun possibbli li pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra jkunu mċaqilqa, mill-1 ta’ Jannar 1993; billi din is-sistema trid terġa’ tiġi kkunsidrata fuq il-bażi ta’ stima ta’ (l-esperjenza) miksuba matul l-imsemmija fażi; Billi, jekk trassort ta’ pjanti għandu jkun mibdul b’ieħor, marka speċjali għandha tkun iddefinita għall-passaport li jieħu post l-ieħor; Billi, bil-għan li jkun assigurat li l-moviment tal-pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġeti oħra mill-Istati Membri jkun immonitorjat sewwa, jenħtieġ li jkunu stabbiliti proċeduri aktar iddettaljati u aktar uniformi għall-ħruġ u t-tibdil ta’ passaporti tal-pjanti; Billi l-miżuri li hemm ipprovduti f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Saħħa tal-Pjanti, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ikunu mħarsa meta passaport tal-pjanti riferut fl-Artikolu 2(1)(f), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE ikun ippreparat mill-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom għall-użu b’mod konformi mad- dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Direttiva. 2. Il-kondizzjonijiet li ġejjin iridu jkunu mħarsa: (a) il-passaport tal-pjanti jrid ikun jikkonsisti f’tikketta uffiċjali li jkollha magħha dokument li jkun hemm fih it-tagħrif meħtieġ kif stipulat fl-Anness ma’ din. It-tikketta ma tridx tkun ġiet użata qabel u għandha tkun ta’ materjal addattat. L-użu ta’ tiketti adeżivi uffiċjali għandu jkun awtorizzat. Id-‘dokument li jkun hemm magħha’ għandu jfisser kull dokument li normalment jintuża għall-skopijiet ta’ kummerċ. Dan id-dokument ma jkunx meħtieġ jekk it-tagħrif mitlub kif stabbilit fl-Anness ikun miktub fuq l-imsemmija tikketta.; (b) it-tagħrif mitlub għandu preferibbilment ikun stampat u għandu jkun ta’ l-anqas f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità; (ċ) fil-każ ta’ passaport tal-pjanti għall-basal tas-Solanum tuberosum L., maħsub biex jiġi mħawwel, għandu jkun it-tikketta uffiċjali kif speċifikat fid-Direttiva tal-Kunsill 66/403/KEE [3]. Konformità mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ta’ patata taż-żriegħ ġewwa, u ċ-ċaqliq tagħha ġo żona protetta rrikonoxxuta fir-rigward ta’ organiżmi dannużi rrelatati ma’ żerriegħa tal-patata, għandha tkun innotata jew fuq it-tikketta jew fuq xi dokument ieħor tal-kummerċ. 3. L-Istati Membri għandhom jitolbu li meta l-passaport tal-pjanti jkun jikkonsisti mit-tikketta u d-dokument li jkun hemm magħha: (a) il-parti mill-passaport tal-pjanti li tikkonsisti mit-tikketta għandu jkun fiha ta’ l-anqas id-dettalji mitluba skond il-punt 1 sa 5 ta’ l-Anness; u (b) il-parti tal-passaport tal-pjanti li tikkonsisti mid-dokument li jkun hemm miegħu għandu jkun fiha ta’ l-anqas id-dettalji mitluba skond il-punti 1 sa 10 ta’ l-Anness. 4. Kull dettal minbarra dawk elenkati fl-Anness, ta’ relevanza għall-iskopijiet ta’ tikkettjar skond id-Direttivi tal-Kunsill 91/682/KEE [4], 92/33/KEE [5] jew 92/34/KEE [6] jista’ ukoll ikun ipprovdut fuq l-imsemmi dokument li jkun hemm miegħu, iżda għandu jkun b’mod ċar isseparat mit-tagħrif speċifikat fl-Anness. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ikunu mħarsa meta passaport tal-pjanti jkun magħmul, stampat u merfugħ. 2. Il-passaport tal-pjanti għandu jkun magħmul, stampat u/jew sussegwentement merfugħ mill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija fl-Artikolu 1(1) direttament, jew - fil-kontroll tagħhhom - mill-produttur imsemmi fl-Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu, jew persuna msemmija fl-Artikolu 10(3), it-tieni inċiż, jew importatur imsemmi fl-Artikolu 12(6), it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 77/93/KEE. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ikunu mħarsa meta passaport tal-pjanti jinħareġ u jkun mehmuż ma’ pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra, ma’ l-ippakkjar tagħhom jew mal-vetturi li jġorruhom. Il-ħruġ jinkludi l-preparazzjoni tal-passaport, b’mod partikolari l-mili tat-tagħrif, u l-azzjoni meħtieġa biex wieħed jagħmel il-passaport tal-pjanti disponibbli għall-użu mill-applikant. 2. Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-korpi uffiċjali responsabbli msemmi fl-Artikolu 1(1) għandhom, mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE: (a) jiżguraw li l-produttur, il-persuna jew l-importatur imsemmija fl-Artikolu 2(2) japplika għandhom għall-ħruġ ta’ passaport ta’ pjanti, jew għall-bdil ta’ passaport ta’ pjanti; (b) jistabbilixxu, fejn xieraq, fuq il-bażi ta’ stħarriġ li hemm ipprovdut fl-Artikolu 6(1)(2) u (3) tad-Direttiva 77/93/KEE u magħmul b’mod konformi ma’ l-Artikolu 6(4) jew fuq il-bażi tal-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 10(3) jew 12 (6) ta’ l-imsemmija Direttiva, ir-restrizzjonijiet applikabbli għall-pjanti, podotti ta’ pjanti u oġġetti oħra, u skond dan il-validità territorjali tal-passaport tal-pjanti, jew jistabbilixxu l-bdil ta’ l-imsemmi passaport tal-pjanti, kif ukoll l-informazzjoni li għandha titniżżel. Jekk il-produttur, il-persuna jew l-importatur imsemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom il-ħsieb li jibagħtu pjanta, prodott ta’ pjanta jew oġġett ieħor ġo żona protetta msemmija fl-Artikolu 2(1)(h) ta’ l-imsemmija Direttiva li għal dan m’għandhomx passaport tal-pjanta validu, l-korpi uffiċjali responsabbli msemmija għandhom jieħdu l-passi meħtieġa u jistabbilixxu skond dan jekk il-prodott jikkwalifikax għaż-żona protetta rilevanti. L-imsemmija korpi uffiċjali responsabbli għandhom jiżguraw li l-produttur, il-persuna jew l-importatur imsemmija fl-Arikolu 2 (2) għandhom jinnotifikawlhom l-imsemmija intenzjoni f’perjodu ta’ żmien xieraq qabel id-dispaċċ u għandhom japplikaw fl-istess żmien għall-passaport ta’ pjanti korrispondenti; (ċ) jiżguraw li t-tagħrif jitniżżel, jew kollu kemm hu f’ittri kbar jekk il-passaport tal-pjanti ikun stampat minn qabel, jew f’ittri kbar jew kollu kemm hu ittajpjat fil-każijiet l-oħra kollha. L-isem botaniku tal-pjanti jew prodotti tal-pjanti għandu jiġi indikat b’karattri Latini; alterazzjonijiet mhux attestati jew tħassir jinvalidaw l-imsemmi passaport ta’ pjanti; (d) jiżguraw illi jekk pjanta, prodott ta’ pjanta jew oġġett ieħor ikun irċieva l-kwalifika minnhom għal żona(i) speċifika (speċifiċi) protetta(i), il-kodiċi għaż-żona(i) protetta(i) għandha tkun indikata fuq il-passaport tal-pjanta, ħdejn il-markar distintiv ‘ZP’ (zona protecta) li tindika li l-imsemmi passaport tal-pjanti jkopri pjanta, prodott ta’ pjanta jew oġġett ieħor li jikkwalifika għal żona(i) protetta(i); (e) jiżguraw li jekk passaport ta’ pjanta għandu jingħata għal pjanta, prodott ta’ pjanta jew oġġett ieħor li ġej minn barra l-Komunità, il-passaport tal-pjanta għandu jintuża, bl-indikazzjoni ta’ l-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini jew, fejn xieraq, il-pajjiż li jagħmel il-kunsinna fuq l-imsemmi passaport tal-pjanti; (f) jiżguraw li jekk passaport tal-pjanti jkun se jinbidel b’passaport tal-pjanti ieħor, il-passaport tal-pjanti msemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jintuża; il-kodiċi għall-produttur jew importatur oriġinarjament irreġistrati għandhom ikunu indikati fuq l-imsemmi passaport tal-pjanti, kontra l-markar distintiv ‘RP’ (‘replacement passport) (bdil ta’ passaport) li jindika li l-imsemmi passaport tal-pjanti qed jibdel passaport tal-pjanti ieħor; (g) skond fejn l-imsemmi passaport tal-pjanti jkun fiżikament merfugħ, jew jibagħtu l-imsemmi passaport tal-pjanti, jew jawtorizzaw lill-produttur, persuna jew l-importatur imsemmija fl-Artikolu 2(2) biex jużawh skond dan; (h) jiżguraw li l-parti ta’ l-imsemmi passaport tal-pjanti li tikkonsisti mit-tikketta tkun mehmuża fir-responsabbilità tal-produttur, il-persuna jew l-importatur imsemmija fl-Artikolu 2(2), mal-pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra, ma’ l-ippakkjar tagħhom jew mal-vettura li ġġorrhom b’tali mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża. Artikolu 4 Is-sistema li biha l-passaport tal-pjanti msemmi fl-Artikolu 1(1) ikun użat għandha tkun ikkunsidrata mill-ġdid mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1994. L-użu tal-passaport tal-pjanti msemmi fl-Artikolu 1(2)(ċ) għandu jgħodd għal perijodu li jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 1993. Artikolu 5 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fid-data msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/683/KEE [7]. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan. 2. Meta l-Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom riferenza simili fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal riferenza simili għandha tkun adottata mill-Istati Membri. 3. L-Istati Membri għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar dan. Artikolu 6 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Diċembru 1992. Għall-Kummissjoni Ray Mac Sharry Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 20. [2] ĠU L 70, tas-17.3.1992, p. 27. [3] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2320/66. [4] ĠU L 376, tal-31.12.1991, p. 21. [5] ĠU L 157, ta’ l-10.6.1992, p. 1. [6] ĠU L 157, ta’ l-10.6.1992, p. 10. [7] ĠU L 376, tal-31.12.1991, p. 29. -------------------------------------------------- L-ANNESS INFORMAZZJONI MEĦTIEĠA 1. "KEE-passaport tal-pjanti". 2. Indikazzjoni tal-kodiċi ta’ Stat Membru tal-KE. 3. Indikazzjoni ta’ korp uffiċjali responsabbli jew il-kodiċi tiegħu li jiddistingwih. 4. Numru ta’ reġistrazzjoni. 5. Serje individwali, jew numru ta’ ġimgħa jew lott. 6. Isem botaniku. 7. Kwantità. 8. Il-markar distintiv "ZP" għall-validità territorjali tal-passaport u, fejn xieraq, l-isem taż-żona(i) protetta(i) li għaliha l-prodott huwa kkwalifikat. 9. Il-markar distintiv "RP" fil-każ ta’ bdil ta’ passaport tal-pjanti u, fejn xieraq, il-kodiċi għall-produttur jew importatur oriġinarjament irreġistrati. 10. Fejn xieraq, l-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini jew pajjiż li jagħmel il-kunsinna, għall-prodotti ta’ pajjiżi terzi. --------------------------------------------------