31991L0296



Official Journal L 147 , 12/06/1991 P. 0037 - 0040
Finnish special edition: Chapter 12 Volume 2 P. 0143
Swedish special edition: Chapter 12 Volume 2 P. 0143


Direttiva tal-kunsill

tal-31 ta’ Mejju 1991

dwar it-transitu ta’ gass naturali permezz ta’ linji ta’ forniment

(91/296/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEW

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100o tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri bil-għan li jiġi stabbilit progressivament is-suq intern matul perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 1992; billi l-Kunsilli Ewropej suċċessivi rrikonoxxew, il-ħtieġa ta’ suq intern wieħed u b’mod partikolari f’Rodi, il-ħtieġa ta’ suq wieħed fl-enerġija;

Billi t-tlestija tas-suq intern ta’ l-enerġija b’ mod ġenerali, u partikolarment aktar fis-settur ta’ gass naturali, tirrikjedi l-iżvilupp ta’ strateġija Komunitarja dwar l-enerġija li tiffaċja l-isfidi ta’:

- s-sigurtà ta’ provvisti,

- protezzjoni ambjentali;

Billi irid ikun hemm integrazzjoni ikbar tas-suq Ewropew ta’ enerġija sabiex ikun jista’ jinkiseb is-suq intern wieħed; billi l-elettriku huwa komponent essenzjali tal-bilanċ Komunitarju ta’ enerġija;

Billi huwa mixtieq li jkun hemm dipendenza akbar fuq gass naturali bħala parti mid-diversifikazzjoni ta’ l-għejun ta’ l-enerġija;

Billi t-tlestija tas-suq intern ta’ l-enerġija, u partikolarment aktar fis-settur tal-gass naturali, għandha tieħu in konsiderazzjoni l-għan ta’ għaqda ekonomika u soċjali;

Billi l-għan tas-suq intern tal-gass naturali hu li jiġi żgurat qliegħ ikbar, kompatibilità ma’ l-ambjent u sigurtà tal-provvisti permezz ta’ kummerċ ħieles, mingħajr restrizzjonijiet inaċċettabbli ta’ kompetizzjoni; billi l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-gass naturali jridu jiġu meqjusa jekk dan il-għan għandu jinkiseb b’suċċess;

Billi waqt li jkun qiegħed jitlesta’ s-suq intern f’gass naturali, għandhom jiġu kunsidrati mhux biss karatteristiċi komparabbli fl-Istati Membri imma wkoll differenzi sinifikanti;

Billi l-kummerċ f’gass naturali bejn linji ta’ forniment ta’ trasmissjoni ta’ gass bi pressjoni għolja ta’ pajjiżi Ewropej qiegħed jiżdied kull sena u għandu ċerti implikazzjonijiet f’termini ta’ investiment; billi s-sigurtà tal-Komunità tal-provvista ta’ gass naturali tista’ tiġi mtejjba u l-ispejjeż jistgħu jiġu mnaqqsa billi jiġu mħaddma l-interkonnessjonijiet meħtieġa għal dan it-tip ta’ kummerċ;

Billi l-iskambju ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment ta’ trasmissjoni ta’ gass bi pressjoni għolja qiegħed isir fuq tali skala li t-transazzjonijiet meħtieġa u l-konsegwenzi tagħhom għandhom ikunu mgħarrfa sistematikament lill-Kummissjoni;

Billi huwa possibbli u desiderevoli li jiżdiedu t-trasferimenti ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment u li jiġu kunsidrati l-imperattivi ta’ sigurtà u ta’ kwalità tal-provvista ta’ gass naturali; billi l-istudji juru li trasferimenti ikbar ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment jistgħu jimminimizzaw l-ispiża ta’ l-investiment;

Billi fl-interkonnessjonijiet addizzjonali tal-ġejjieni bejn diversi Stati Membri jkunu jridu jsiru sabiex jippermettu provvisti adegwati;

Billi żieda fit-trasferimenti ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment għandha tinkoraġġixxi wkoll kooperazzjoni bejn kumpaniji li jitrasmettu gass naturali sabiex isibu modi ta’ kif jisgħu jtejjbu l-apparat tat-trasmissjoni ta’ gass naturali; billi dan it-titjib għandu jnaqqas l-ispejjeż ukoll;

Billi għad hemm xkiel għaż-żieda fil-kummerċ ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment; billi, sakemm ma jkunx dovut minħabba n-natura tat-teknoloġija wżata jew għall-linji ta’ forniment nfushom, dan ix-xkiel jista’ jiġi mnaqqas jekk it-transitu ta’ gass naturali minn linji ta’ forniment jintgħamel obbligatorju u jekk tiġi introdotta sistema xierqa ta’ sorvelljanza tal-ħarsien ta’ din l-obbligazzjoni;

Billi din l-obbligazzjoni u s-sistema ta’ sorvelljanza tirrigwarda t-transitu ta’ gass naturali involut f’kummerċ li huwa ta’ interess Komunitarju, jiġifieri transitu minn linji ta’ forniment ta’ pressjoni għolja;

Billi l-kondizzjonijiet finanzjarji, tekniċi u legali ta’ dan it-transitu jridu, bħala regola ġenerali, jinħadmu direttament bejn il-linji ta’ forniment konċernati;

Billi l-kondizzjonijiet tat-transitu għandhom ikunu ġusti u m’ għandhomx joħolqu, direttament jew indirettament, kondizzjonijiet li jmorru kontra r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni;

Billi, sabiex tiġi faċilitata l-konklużjoni ta’ kuntratti dwar transitu, il-Kummissjoni qiegħda tipprovdi għall-ħolqien ta’ proċedura ta’ konċilljazzjoni li taħtha sottomissjoni hija obbligatorja fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, mingħajr ma dik il-proċedura tirriżulta f’effett li joħloq rabta legali;

Billi huwa meħtieġ li jiġu approssimati d-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri li jaffettwaw it-transitu ta’ gass natuali;

Billi l-istabbiliment ta’ suq intern tal-gass naturali għandu jistimula l-proċess dinamiku ta’ integrazzjoni gradwali ta’ linji ta’ forniment nazzjonali tal-gass naturali; billi f’dan il-kuntest miżuri speċjali ta’ infrastruttura għandhom għalhekk jiġu implimentati sabiex tiġi aċċelerata l-konnessjoni ta’ żoni li jinsabu ‘l barra u ta’ gżejjer fil-Komunità mal-linja ta’ forniment interkonnessa ġenerali;

Billi l-interkonnessjoni ta’ linji ta’ forniment Ewropej testendi għal territorju ġeografiku li ma jikkoinċidix mal-fruntieri Komunitarji: Billi jesisti vantaġġ ovvju jekk tiġi mfittxija kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi involuti fil-linja ta’ forniment interkonnessa Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-transitu ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment ta’ trasmissjoni ta’ pressjoni għolja skond il-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. Kull transazzjoni għat-trasport ta’ gass naturali taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin għandha tikkostitwixxi transitu ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għal kull arranġamenti speċjali konklużi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi:

(a) it-trasmissjoni għandha ssir mill-entità jew entitajiet responsabbli f’kull Stat Membru għall-linji ta’ forniment ta’ pressjoni għolja ta’ gass naturali, bl-eċċezzjoni ta’ linji ta’ forniment ta’ distribuzzjoni, fit-territorju ta’ Stat Membru li jikkontribwixxi lejn il-ħidma effiċjenti ta’ interkonnessjonijiet Ewropew ta’ pressjoni għolja;

(b il-linja ta’ forniment ta’ oriġini jew ta’ destinazjoni finali tinsab ġewwa l-Komunità;

(ċ) dan it-trasport jinvolvi l-qsim ta’ mill-inqas fruntjiera intra-Komunitarja waħda.

2. Il-linji ta’ forniment ta’ trasmissjoni ta’ gass naturali ta’ pressjoni għolja u l-entitajiet responsabbli għalihom fl-Istati Membri, li huma elenkati fl-Anness, għandhom ikunu koperti b’din id-Direttiva. Din il-lista għandha tiġi aġġornata mill-Kummisjoni, wara konsultazjoni ma’ l-Istat Membru konċernat, kull meta dan ikun meħtieġ, fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari wara li jingħata kont tal-paragrafu 1 (a).

Artikolu 3

1. Kuntratti li jinvolvu t-transitu ta’ gass naturali bejn linji ta’ forniment ta’ trasmissjoni għandhom jiġu negozjati bejn l-entitajiet responsabbli għal dawk il-linji ta’ forniment u għall-kwalità tas-servizz provdut u, fejn xieraq, ma’ l-entitajiet responsabbli fl-Istati Membri għall-importazjoni u għall-esportazzjoni tal-gass naturali.

2. Il-kondizzjonijiet tat-transitu għandhom, skond ir-regoli tat-Trattat, ikunu non- diskriminatorji u ġusti għall-partijiet kollha konċernati, m’għandhomx jinkludu klawsoli inġusti jew restrizzjonijiet mhux ġustifikati u m’għandhomx jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista u lanqas tal-kwalità tas-servizz, b’mod partikolari wara li jingħata kont sħiħ ta’ l-utilizzazzjoni ta’ produzzjoni ta’ riservi u ta’ kapaċità ta’ ħażna u l-aktar operazjoni effiċjenti ta’ sistemi esistenti.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li l-entitajiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom imsemmija fl-Anness jaġixxu mingħajr dewmien sabiex:

- jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali konċernati dwar kull talba għal transitu;

- jiftħu negozjati dwar il-kondizzjonijiet tat-transitu ta’ gass naturali meħtieġ,

- jinformaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali konċernati dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ transitu,

- jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali konċernati dwar ir-raġunijiet għalfejn in-negozjati naqsu milli jwasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratt fi żmien 12-il xahar wara l-komunikazzjoni tat-talba.

4. Kull waħda mill-entitajiet konċernati tista’ titlob li l-kondizzjonijiet ta’ transitu jiġu soġġetti għal konċiljazzjoni minn korp, mwaqqaf u presedut mill-Kummissjoni u li fih huma rappresentati l-entitajiet responsabbli għall-linji ta’ forniment fil-Komunità.

Artikolu 4

Jekk ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ ftehim dwar talba għal transitu jidhru mhux ġustifikati jew insuffiċjenti, il-Kummissjoni, fuq ilment mill-korp li jkun għamel it-talba jew fuq inizzjattiva tagħha stess, għandha timplimenta l-proċeduri provduti mill-liġi Komunitarja.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1992. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir dik ir-referenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fil-31 ta’ Mejju 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Bodry

[1] ĠU C 247, tat-28.9.1989, p. 6 uĠU C 268, ta’ l-24.10.1990, p. 9.

[2] ĠU C 231, tas-17.9.1990, p. 72 uĠU C 129, ta’ l-20.5.1991.

[3] ĠU C 75, tas-26.3.1990, p. 20.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Lista ta' entitajiet u linji ta' forniment ta' trasmissjoni ta' gass bi pressjoni għolja

Stati Membru | Entità | Linja ta' forniment |

Repubblika Federali tal-Ġermanja, | Bayerngas GmbH | Linja ta' forniment li tissuplixxi distributuri finali (awtoritajiet muniċipali, eċċ.) u utenti finali ewlenin |

BEB Erdgas und Erdoel GmbH |

Deutsche Erdgas Transport GmbH |

Energieversorgung Weser Ems AG (EWE) |

Erdgas Verkaufs-Gesellschaft mbH |

Ferngas Nordbayern GmbH |

Ferngas Salzgitter GmbH |

Gas-Union GmbH |

Mobil Oil AG |

Ruhrgas AG |

Saar Ferngas AG |

Thyssengas GmbH |

Vereinigte Elektrizitaetswerke Westfalen AG (VEW) |

Westfaelische Ferngas AG |

Energieversorgung Mittelrhein |

EWAG, Nuernberg |

Erdgas Schwaben GmbH |

Erdgas Suedbayern GmbH |

GEW Koeln |

Gasversorgung Sueddeutschland |

Gasversorgung Suedhannover/Nordhessen |

Hamburger Gaswerke |

Landesgasversorgung Niedersachsen |

Main-Gaswerke AG |

Schleswag AG |

Suedhessische Gas und Wasser AG |

Technische Werke der Stadt Stuttgart AG |

Thuega AG |

GASAG, Berlin |

Belġju | Distrigaz SA | Linja ta' forniment pubblika |

Id-Danimarka | Dansk Naturgas A/S | Linja ta' forniment li tissuplixxi distributuri finali (awtoritajiet muniċipali, eċċ.) u utenti finali ewlenin |

Spain | Empresa National de Gas SA (ENAGAS) |

Catalana de Gas |

Gas De Euskadi |

Greċja | DEPA |

Lussemburgu | SOTEG |

L-Olanda | NV Nederlandse Gasunie |

L-Italja | Snam SpA |

Franza | Gaz de France | Linja ta' forniment pubblika |

SNGSO |

Compagnie française du méthane (CEFEM) |

ir-Renju Unit | British Gas | Linja ta' forniment ta' gass bi pressjoni għolja |

l-Irlanda | Irish Gas Board |

--------------------------------------------------