Official Journal L 310 , 09/11/1990 P. 0028 - 0029
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0253
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0253
Id-Direttiva tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 1990 dwar il-firex ta’ frekwenzi allokati għall-introduzzjoni koordinata ta’ sistema pan-Ewropea pubblika terrestri għall-pagingu permezz tar-radju fil-Komunità (90/544/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi, bir-Rakkomandazzjoni 84/549/KEE [4], il-Kunsill isejjaħ għall-introduzzjoni ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ approċċ armonizzat komuni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet; Billi r-riżorsi offruti minn networks moderni tat-telekomunikazzjonijiet għandhom ikunu wżati bis-sħiħ għall-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità; Billi servizzi ta’ paging permezz tar-radju jiddependu mill-allokazzjoni u disponibbilità ta’ frekwenzi adatti biex wieħed jittrasmetti u jirċievi bejn stazzjonijiet b’bażi fissa u riċevituri ta’ paging permezz tar-radju rispettivament; Billi l-frekwenzi u s-sistemi pubbliċi terrestri ta’ paging permezz tar-radju użati bħalissa fil-Komunità jvarjaw bil-kbir u ma jippermettux lill-utenti kollha waqt li jkunu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor li jgawdu mill-benefiċċji ta’ servizzi ma’ l-Ewropa kollha u ta’ swieq ma’ l-Ewropa kollha; Billi l-introduzzjoni ta’ sistema aktar avvanzata ta’ paging permezz tar-radju b’isem ikkodifikat Sistema Ewropea ta’ Messaġġi permezz tar-Radju (Ermes) li kienet speċifikata mill- Istitut Ewropew ta’ l-Istandards ta’ Telekomunikazzjoni (ETSI) tipprovdi opportunità unika biex ikun stabbilit servizz tassew pan-Ewropew ta’ paging permezz tar-radju; Billi l-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) identifikat il-firxa ta’ frekwenza mhux abbinata 169,4-169,8 MHz bħala l-aktar waħda adatta għal paging pubbliku permezz tar-radju; billi dik l-għażla hija bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tar-Radju ta’ l-Unjoni Internazzjonali għat-Telekomunikazzjonijiet (ITU); Billi r-Rakkomandazzjoni ta’ CEPT T/R 25-07 dwar il-koordinament ta’ frekwenzi għas-Sistema Ewropea ta’ Messaġġi permezz tar-Radju allokat il-kanali Ewropej għas-sistema ERMES; Billi partijiet mill-firxa tal-frekwenza qegħdin ikunu wżati jew huma intenzjonati għall-użu minn ċerti Stati Membri għal servizzi oħra permezz tar-radju; Billi d-disponibbilità progressiva tal-parti tal-firxa tal-frekwenza rekwiżita msemmija aktar ’il fuq tkun indispensabbli biex ikun stabbilit servizz ta’ paging permezz tar-radju tassew pan-Ewropew; Billi xi ftit flessibilità tkun meħtieġa biex jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ frekwenzi differenti fi Stati Membri differenti; billi jkun meħtieġ li jkun żgurat li flessibilità bħal din ma tnikkirx l-espansjoni ta’ sistema pan-Ewropea; Billi proċeduri ta’ koordinament għandhom ikunu stabbiliti bejn pajjiżi ġirien kif meħtieġ; Billi l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 90/543/KEE tad-9 ta’ Ottubru, 1990 dwar l-introduzzjoni koordinata ta’ sistema pan-Ewropea pubblika terrestri ta’ paging permezz tar-radju fil-Komunità [5] tiżgura l-bidu ta’ sistema pan-Ewropea sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru1992; Billi fuq il-bażi ta’ xejriet preżenti teknoloġiċi u tas-suq, jidher li hu realistiku li tkun ippreveduta l-għażla tal-firxa tal-frekwenza 169,4 - 169,8 MHz bħala l-firxa li minnha jintgħażlu frekwenzi skond ir-rekwiżiti kummerċjali għall-implimentazzjoni u l-espansjoni tas-sistema pan-Ewropea ta’ paging permezz tar-radju; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 86/361/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-istadju inizjali tar-rikonoxximent reċiproku ta’ l-approvazzjoni tat-tip għal tagħmir terminali tat-telekomunikazzjonijiet [6] tippermetti li jkunu stabbiliti b’ħeffa speċifikazzjonjiet komuni ta’ konformità għas-sistema pan-Ewropea pubblika terrestri ta’ paging permezz tar-radju; Billi r-rapport dwar il-komunikazzjoni mobbli pubblika imħejji mill-Grupp ta’ Analiżi u Tbassir (GAP) għall-Grupp ta’ Uffiċjali Għolja tat-Telekomunikazzjonijiet (SOG-T) jirrakkomanda b’mod qawwi li l-amministrazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet għandhom jiftiehmu biex jużaw l-istess frekwenzi tar-radju għal paging permezz tar-radju; Billi opinjonijiet favorevoli dwar dan ir-rapport kienu ngħataw mill-amministrazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet, minn CEPT u mill-manifatturi ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet fl-Istati Membri; Billi paging permezz tar-radju huwa metodu ta’ komunikazzjonijiet partikularment effiċċjenti ta’ l-ispettru biex javża u/jew jibgħat messaġġi lil min jużahom waqt li jkun jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘servizz pan-Ewropew pubbliku terrestri ta’ paging permezz tar-radju ’ għandu jfisser servizz ta’ paging pubbliku bażat fuq infrastruttura terrestri fl-Istati Membri skond speċifikazzjoni komuni li tippermetti persuni li jekk jixtiequ jibagħtu u/jew jirċievu avviżi u/jew messaġġi numeriċi jew alfanumeriċi ikunu fejn ikunu fil-kopertura tas-servizz fil-Komunità. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom, bi qbil mar-Rakkomandazzjoni ta’ CEPT T/R 25-07, jallokaw fil-169,4 to 169,8 MHz waveband erba’ kanali li għandu jkollhom priorità u jkunu protetti, u li preferibbilment ikunu: - 169,6 MHz, - 169,65 MHz, - 169,7 MHz, - 169,75 MHz, għas-sistema pan-Ewropea pubblika terrestri ta’ paging permezz tar-radju l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 1992. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjanijiet ikunu preparati kemm jista’ jkun malajr biex ikun possibbli li s-servizz pan-Ewropew pubbliku terrestri ta’ paging permezz tar-radju jokkupa l-firxa kollha 169,4 sa 169,8 MHz skond id-domanda kummerċjali. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mit-18 ta’ Ottubru 1991. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan minnufih. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva. Artikolu 4 Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-aħħar ta’ l-1996. Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Ottubru 1990. Għall-Kunsill Il-President P. Romita [1] ĠU Ċ 43, 23.2.1990, pġ 6. [2] ĠU Ċ 15, 22.1.1990, pġ 84 uĠU Ċ 231, 17.9.1990, pġ 86. [3] ĠU Ċ 298, 27.11.1989, pġ 27. [4] ĠU L 298, 16.11.1984, pġ 49. [5] Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. [6] ĠU L 217, 5.8.1986, pġ 21. --------------------------------------------------