31985L0577



Official Journal L 372 , 31/12/1985 P. 0031 - 0033
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0083
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0131
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0083
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 6 P. 0131


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985

biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju

(85/577/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi hija forma komuni ta’ prattika kummerċjali fl-Istati Membri li kuntratti jew ftehim unilaterali bejn in-negozjant u l-konsumatur jingħaqdu’ l bogħod mill-uffiċju tan-negozjant, u billi l-kuntratti u l-ftehim ta’ din ix-xorta huma s-suġġett ta’ leġislazzjoni li tvarja minn Stat Membru għall-ieħor;

Billi kull nuqqas ta’ qbil bejn leġislazzjoni ta’ din ix-xorta jista’ jaffettwa direttament it-tħaddim tas-suq komuni; billi għalhekk jenħtieġ li ssir approssimazzjoni tal-liġijiet f’dan il-qasam;

Billi l-programm preliminari tal-Komunità Ekonomika Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumatur u għall-politika ta’ informazzjoni [4] jiddisponi inter alia, fil-paragrafi 24 u 25, li għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu lill-konsumaturi minn xi drawwiet kummerċjali li m’humiex ġusti f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb; billi t-tieni programm tal-Komunità Ekonomika Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumatur u għall-politika ta’ informazzjoni [5] kkonferma li l-azzjoni u l-prijoritajiet definiti fil-programm preliminari għandhom jitkomplew;

Billi l-karatteristika speċjali tal-kuntratti magħmula barra mill-uffiċju tan-negozjant hija li bħala regola huwa n-negozjant li jibda n-negozjati għall-kuntratt, li għalih il-konsumatur ma jkunx lest jew li ma jeskludix; billi ta’ spiss il-konsumatur ma jkunx jista’ jqabbel il-kwalità ta’ l-offerta ma’ offerti oħra; billi dan l-element ta’ sorpriża ġeneralment jeżisti mhux biss fil-kuntratti magħmula fuq it-tarġa tal-bieb iżda ukoll f’forom oħra ta’ kuntratti magħmula minn negozjant’ il bogħod mill-bini fejn isir in-negozju;

Billi l-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar tul perjodu ta’ għallanqas sebat ijiem biex ikun jista’ jivverifika l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt;

Billi għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-konsumatur ikun infurmat bil-miktub b’dan il-perjodu ta’ riflessjoni;

Billi l-libertà ta’ l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu projbizzjoni totali jew parzjali li jsiru kuntratti’ l bogħod mill-bini tan-negozju, sa fejn jidhrilhom li jkun fl-interess tal-konsumaturi, m’għandhiex tiġi affettwata;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-kuntratti li taħthom negozjant iforni merkanzija jew servizzi lil konsumatur u li jsiru:

- waqt xi ħarġa organizzata minn negozjant’ il bogħod mill-bini fejn isir n-negozju, jew

- waqt xi żjara minn xi negozjant

(i) fid-dar tal-konsumatur jew f’dik ta’ xi konsumatur ieħor;

(ii) fil-post tax-xogħol tal-konsumatur;

meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa tal-konsumatur.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-provvista ta’ xi oġġetti jew xi servizzi oħra li m’humiex dawk li dwarhom il-konsumatur talab iż-żjara tan-negozjant, kemm-il darba meta talab iż-żjara l-konusmatur ma kienx jaf, jew ma setax kun jaf b’mod raġonevoli, li l-provvista ta’ dawk l-oġġetti jew is-servizzi l-oħra kienu jagħmlu parti mill-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tan-negozjant.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-kuntratti li rigward tagħhom tkun saret offerta mill-konsumatur taħt kundizzjonijiet bħal dawk imfissra fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2 għalkemm il-konsumatur ma kienx marbut b’dik l-offerta qabel ma ġiet aċċettata minn negozjant.

4. Din id-Direttiva tapplika wkoll għall-offerti li jsiru b’kuntratt mill-konsumatur taħt kundizzjonijiet bħal dawk imfissra fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2 meta l-konsumatur ikun marbut bl-offerta tiegħu.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

"konsumatur" tfisser persuna naturali li, fit-transazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, jkun qed jaġixxi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra min-negozju jew professjoni tiegħu;

"negozjant" tfisser persuna naturali jew legali li, għat-transazzjoni in kwistjoni, jaġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tiegħu, u kull persuna li taġixxi f’isem jew għan-negozjant.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li din id-Direttiva għandha tgħodd biss għall-kuntratti li għalihom il-ħlas li jrid isir mill-konsumatur jaqbeż xi ammont speċifiku. Dan l-ammont ma jistax jaqbeż is-60 ECU.

Il-Kunsill, fuq proposta mingħand il-Kummissjoni, għandu jeżamina u, jekk jenħtieġ, jirrivedi dan l-ammont għall-ewwel darba mhux aktar tard minn erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva u wara dan kull sentejn, waqt li jieħu in konsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi u monetarji fil-Komunità.

2. Din id-Direttiva m’ għandhiex tapplika għall-:

(a) kuntratti għall-bini, il-bejgħ u l-kiri ta’ proprjetà immobiljari jew kuntratti dwar drittijiet oħra konnessi ma’ proprjetà immobiljari.

Kuntratti għall-provvista ta’ oġġetti u għall-inkorporazzjoni tagħhom fi proprjetà immobiljari jew kuntratti għat-tiswija ta’ proprjetà immobiljari jaqgħu taħt l-iskop ta’ din id-Direttiva;

(b) kuntratti għall-provvista ta’ ħwejjeġ ta’ l-ikel jew tax-xorb jew xi oġġetti oħra maħsuba biex jiġu kkunsmati f’dak il-ħin fid-dar u forniti minn bejjiegħa li jagħmlu r-ronda regolari;

(ċ) kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti jew servizzi, sakemm jiġu sodisfatti t-tliet kundizzjonijiet li ġejjin kollha:

(i) il-kuntratt isir fuq bażi ta’ xi katalogu tan-negozjant li l-konsumatur ikollu l-opportunità xierqa li jaqra fl-assenza tar-rappreżentatnt tan-negozjant,

(ii) ikun maħsub li jkun hemm kontinwità ta’ kuntatt bejn ir-rappreżentant tan-negozjant u l-konsumatur in konnessjoni ma’ dik it-transazzjoni jew kull waħda li ssir warajha,

(iii) kemm il-katalogu kif ukoll il-kuntratt jinfurmaw lill-konsumatur b’mod ċar bid-dritt tiegħu li jibgħat lura l-oġġetti lill-fornitur fi żmien ta’ mhux anqas minn sebat ijiem mill-wasla tagħhom jew li b’xi mod ieħor iħassar il-kuntratt f’dak il-perjodu mingħajr obbligazzjoni ta’ kull xorta ħlief dik li jieħu ħsieb ta’ l-oġġetti b’mod raġonevoli;

(d) kuntratti ta’ assigurazzjoni;

(e) kuntratti ta’ titoli ta’ flus.

3. Bħala deroga mill-Artikolu 1(2), l-Istati Membri jistgħu ma japplikawx din id-Direttiva għall-kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti u servizzi li jkollhom konnessjoni diretta ma’ l-oġġetti u s-servizzi li dwarhom il-konsumatur talab iż-żjara tan-negozjant.

Artikolu 4

Fil-każ tat-transazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskop ta’ l-Artikolu 1, in-negozjanti jridu jagħtu lill-konsumaturi notifika bil-miktub tad-dritt tagħhom li jħassru fil-perijodu stabilit fl-Artikolu 5, flimkien ma’ l-isem u l-indirizz ta’ xi persuna li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt kontriha.

Din in-notifika għandu jkollha d-data fuqha u jrid ikollha fiha dawk id-dettalji li jippermettu li l-kuntratt ikun identifikat. Trid tingħata lill-konsumatur:

(a) fil-każ ta’ l-Artikolu 1(1), fil-ħin li jkun sar il-kuntratt;

(b) fil-każ ta’ l-Artikolu 1(2), mhux aktar tard miż-żmien li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt;

(ċ) fil-każ ta’ l-Artikolu 1(3) u 1 (4), meta ssir l-offerta mill-konsumatur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom tistabilixxi miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur f’dawk il-kazi meta l-informazzoni msemmija f’dan l-Artikolu ma tingħatax.

Artikolu 5

1. Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien perijodu ta’ mhux anqas minn sebat ijiem minn meta tkun waslet lill-konsumatur in-notifika msemmija fl-Artikolu 4, skond il-proċedura stabilita fil-liġi nazzjonali. Għandu jkun biżżejjed jekk l-avviż jintbgħat qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu.

2. L-għotja ta’ l-avviż ikollha l-effett li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar.

Artikolu 6

Il-konsumatur ma jistax jirrinunzja għad-drittijiet mogħtija lilu minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

Jekk il-konsumatur jeserċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja, l-effetti legali ta’ din ir-rinunzja għandhom jiġu rregolati mill-liġijiet nazzjonali, b’mod partikulari għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħlas lura ta’ flus għall-oġġetti jew għas-servizzi forniti u għar-ritorn ta’ l-oġġetti li jkunu riċevuti.

Artikolu 8

Din id-Direttiva ma tipprojibix lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva fi żmien 24 xahar min-notifika tagħha [6] Għandhom għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni immedjatament.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ Diċembru 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Krieps

[1] ĠU C 22, tad-29.1.1977, p. 6; ĠU C 127, ta’ l-1.6.1978, p. 6.

[2] ĠU C 241, ta’ l-10.10.1977, p. 26.

[3] ĠU C 180, tat-18.7.1977, p. 39.

[4] ĠU C 92, tal-25.4.1975, p. 2.

[5] ĠU C 133, tat-3.6.1981, p. 1.

[6] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-23 ta’ Diċembru 1985.

--------------------------------------------------