Official Journal L 332 , 28/11/1983 P. 0043 - 0047
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 13 P. 0178
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 14 P. 0237
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 13 P. 0178
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 14 P. 0237
Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1983 li temenda d-Direttiva 71/316/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-miżurazzjoni kif ukoll għall-metodi ta’ kontroll metroloġiku (83/575/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-iskop tad-Direttiva 71/316/KEE [4] huwa biex jiżgura l-moviment liberu ta’ l-istrumenti tal-miżurazzjoni ġewwa l-Komunità billi jkunu armonizzati l-liġijiet nazzjonali diverġenti fir-rigward ta’ kontroll metroloġiku u bit-twaqqif għal dan l-iskop ta’ approvazzjoni adegwata tal-mudell tal-KEE u proċeduri ta’ verifiki inizjali u l-metodi tal-KEE ta’ kontroll metroloġiku; Billi l-esperjenza miksuba fis-snin riċenti fis-settur ta’ l-istrumenti tal-miżurazzjoni tagħmilha meħtieġa li jkunu emendati ċerti Artikoli ta’ l-imsemmija Direttiva; Billi l-metodi ta’ kontroll applikati fil-preżent jagħmluha possibbli għall-verifika inizjali tal-KEE li titwettaq b’mod differenti mill-verifika ta’ l-istrumenti bl-unità; Billi ma kienx possibbli għad-Direttiva 71/316/KEE, meta kienet adottata, li tqis dawn l-iżviluppi; billi, minn dakinhar, ċerti Stati Membri inkorporaw dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jqisu dawn l-iżviluppi; Billi huwa kunsiljabbli, konsegwentement, li jkun emendat u ssupplimentat it-test tad-dispożizzjonijiet Ewropej fis-seħħ bħalissa biex ikunu jistgħu jiġu armonizzati l-liġijiet nazzjonali adottati għal dak l-iskop, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 71/316/KEE hija b’dan emendata kif ġej: 1. L-Artikolu 1 jiġi mibdul b’dan li ġej: "L-Artikolu 1 1. (a) Din id-Direttiva tapplika għall-oġġetti msemmija bħala strumenti, li jinkludu strumenti tal-miżurazzjoni, komponenti ta’ strumenti tal-miżurazzjoni, apparat addizzjonali u tagħmir tal-kejl. (b) Din id-Direttiva tapplika wkoll għall-unitajiet ta’ kejl, l-armonizzazzjoni ta’ metodi ta’ kejl u kontroll metroloġiku u, fejn xieraq, il-mezzi meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi. (c) Tapplika wkoll għall-preskrizzjoni, metodi ta’ kejl, kontroll metroloġiku u l-immarkar ta’ kwantitajiet tal-prodotti imballati minn qabel. 2. L-ebda Stat Membru ma jista’, fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva u d-direttivi separati li huma relatati magħha, ma jħallix, jipprojbixxi, jew jirrestrinġi t-tqegħid fis-suq u/jew id-dħul fis-servizz ta’ strument jew ta’ prodott deskritt fil-paragrafu 1 jekk dak l-istrument jew prodott ikollu fuqu marki u/jew sinjali tal-KEE skond il-kondizzjonijiet provduti b’din id-Direttiva u b’direttivi separati relatati ma’ l-istrument jew prodott konċernat. 3. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istess valur lill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u l-verifika inizjali bħal fil-każ tal-miżuri nazzjonali korrispondenti. 4. Id-direttivi separati dwar is-suġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw: - b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ kejl u l-karatteristiċi tad-disinn u l-funzjonament, kif ukoll il-ħtiġiet tekniċi,, fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 (a), - il-ħtiġiet dwar il-paragrafu 1 (b) u (ċ). Jistgħu jiffissaw id-data meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti għandhom jinbidlu mid-dispożizzjonijiet Komunitarji." 2. L-Artikolu 2 jiġi mibdul b’dan li ġej: "L-Artikolu 2 1. L-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE ta’ strumenti jikkostitwixxi d-dħul tagħhom fil-verifika inizjali tal-KEE u, fejn dan ta’ l-aħħar mhux meħtieġ, l-awtorizzazzjoni li jqegħduhom fis-suq u/jew idaħħluhom fis-servizz. Jekk id-direttiva (direttivi) separata(i) applikabbli għal xi kategorija ta’ strumenti teżenta (jeżentaw) dik il-kategorija mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE, l-istrumenti f’dik il-kategorija għandhom ikunu mdaħħlin direttament għall-verifika inizjali tal-KEE. 2. Jekk l-apparat ta’ spezzjoni tagħhom hekk jippermetti, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għal kull strument li jissodisfa l-ħtiġiet ipprovduti f’din id-Direttiva u d-direttivi separati relatati ma’ l-istrument ikkonċernat. 3. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE tista’ ssir biss mill-fabbrikant jew ir-rappreżentant tiegħu stabbilit ġewwa l-Komunità. Għall-istess strument partikolari, tista’ ssir applikazzjoni fi Stat Membru wieħed biss. 4. Stat Membru li jkun ta approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li jinżamm infurmat b’kull modifika jew żieda għall-mudell approvat. Huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dawn it-tibdiliet. Modifiki jew żidiet għall-mudell approvat għandhom jirċievu approvazzjoni addizzjonali tal-mudell mill-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE, fejn dawn il-bidliet jinfluwenzaw jew jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultati tal-kejl jew il-kondizzjonijiet stipulati għall-użu ta’ l-istrument. Iżda, fil-każ ta’ mudell modifikat, għandha tingħata approvazzjoni ta’ mudell tal-KEE ġdida minflok żieda għaċ-ċertifikat oriġinali ta’ l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE, jekk il-mudell huwa modifikat wara li jkunu ġew modifikati jew adattati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew tad-direttiva relevanti speċjali b’mod li l-mudell modifikat seta’ kien approvat biss bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet il-ġodda. 5. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-direttivi relevanti separati." 3. L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej: "L-Artikolu 4 Meta strument ikun temm b’suċċess l-eżami ta’ l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE ipprovdut f’din id-Direttiva u f’direttivi separati relatati magħha, l-Istat Membru li jkun għamel dak l-eżami għandu jħejji ċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u jibagħtu lill-applikant. Fil-każijiet ipprovduti fl-Artikolu 11 jew f’direttiva separata, l-applikant għandu, u fil-każijiet kollha l-oħra jista’, jwaħħal jew jara li jitwaħħal fuq kull strument li jikkonforma mal-mudell approvat is-sinjal ta’ approvazzjoni tal-KEE muri f’dan iċ-ċertifikat." 4. L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej: "L-Artikolu 5 1. L-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandha tkun valida għal 10 snin. Għandha tkun estiża għall-perjodi suċċessivi ta’ 10 snin; in-numri ta’ strumenti li jistgħu jkunu manifatturati skond il-mudell approvat m’għandux ikun limitat. Approvazzjonijiet tal-mudelli tal-KEE mogħtija fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u ta’ direttiva separata ma jistgħux ikunu estiżi wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ xi emenda lil, jew adattament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet Komunitarji, fil-każijiet fejn dawn l-approvazzjonijiet tal-mudell tal-KEE ma setgħux ingħataw fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda. Meta l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE ma tkunx estiża, din l-approvazzjoni għandha madankollu tkompli tapplika għall-istrumenti KEE diġà fis-servizz. 2. Fejn isir użu ta’ tekniki ġodda li ma hemmx stipulazzjonijiet dwarhom f’direttiva separata, tista’ tingħata l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE b’effett limitat, wara konsultazzjonijiet minn qabel ma’ l-Istati Membri l-oħra. Tista’ tinkludi r-restrizzjonijiet li ġejjin: - limitu fuq in-numru ta’ strumenti li jistgħu ikunu koperti bl-approvazzjoni, - obbligu għan-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ stallazzjoni, - restrizzjonijiet fuq l-użu, - restrizzjonijiet speċjali dwar it-teknika użata. Iżda, tista’ ma tingħatax ħlief jekk: - id-direttiva separata għal dik il-kategorija ta’ strumenti tkun ġiet fis-seħħ, - l-ebda deroga ma tkun saret mill-massimu ta’ żbalji permissibbli pprovduti fid-direttivi separati. Il-perjodu ta’ validità ta’ din l-approvazzjoni m’għandux jaqbeż is-sentejn. Tista’ tkun estiża l-aktar sa tliet snin. 3. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni limitata tal-mudell tal-KEE imsemmi fil-paragrafu 2 għandu japplika għall-aġġustament għall-progress tekniku ta’ l-Annessi ta’ din id-Direttiva, fejn xieraq, u tad-direttivi separati, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18, hekk kif jikkunsidra li teknika ġdida uriet li kienet sodisfaċenti." 5. Il-punti 3.3 u 6.3 ta’ l-Anness I jinbidlu b’dan li ġej: "3.3. Is-sinjal imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva huwa l-istess bħas-sinjal ta’ l-approvazzjoni tal-KEE, ħlief li l-ittra stilizzata E hija maqluba simetrikament fuq assi vertikali u ma jkollu ebda indikazzjoni oħra ħlief jekk id-direttivi separati jistipulaw mod ieħor. Eżempju ta’ dan is-sinjal qed jintwera fil-punt 6.3." "6.3. Sinjal ta’ eżenzjoni mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE (ara l-punt 3.3) Eżempju:" +++++ TIFF +++++ 6. (a) Fl-Artikolu 7(1)(b), "L-Artikolu 5(2) u (3)" jinbidlu b’ "L-Artikolu 5(2)". (b) Il-punt li ġej (ċ) jiżdied ma’ l-Artikolu 7(1): "(c) jekk jaċċerta li l-approvazzjoni ngħatat b’mod mhux xieraq." 7. (a) l-Artikolu 8(1) jinbidel b’dan li ġej: "1. (a) Verifika inizjali tal-KEE tikkostitwixxi eżami ta’ strument ġdid jew rikondizzjonat u l-konferma li jikkonforma mal-mudell approvat u/jew il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u d-direttivi separati dwar l-istrument ikkonċernat; ikun ċertifikat bil-marka inizjali tal-KEE. (b) Verifika inizjali tal-KEE ta’ l-istrumenti tista’ ssir b’metodu ieħor minbarra l-verifika ta’ l-unità fil-każijiet speċifikati fid-direttivi separati u skond il-proċeduri adottati." (b) Fl-Artikolu 8(3), "L-Artikolu 1(1)" jinbidel b’ "L-Artikolu 1(2)". 8. L-Artikolu 9 jinbidel b’dan li ġej: "L-Artikolu 9 1. Meta strument jintbagħat għall-verifika inizjali tal-KEE, l-Istat Membru li jagħmel l-eżami għandu jiddetermina: (a) jekk l-istrument ikunx ta’ kategorija eżenti mill-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u, jekk dan hu minnu, jekk jissodisfax il-kostruzzjoni teknika u l-ħtiġiet funzjonali stipulati b’direttivi separati fir-rigward ta’ dak l-istrument; (b) jekk l-istrument irċeviex l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u, jekk dan hu minnu, jekk jikkonformax mal-mudell approvat, u mad-direttivi separati fir-rigward ta’ dak l-istrument, fis-seħħ fid-data tal-ħruġ ta’ l-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE. 2. L-eżami magħmul fil-verifika inizjali tal-KEE jirrigwarda partikolament, skond id-direttivi separati, lill-: - karatteristiċi metroloġiċi, - iżbalji massimi permissibbli, - bini, safejn dan jiggarantixxi li l-karatteristiċi tal-kejl x’aktarx mhumiex ser jiddeterjoraw bil-kbir taħt kondizzjonijiet normali ta’ l-użu, - preżenza ta’ iskrizzjonijiet stipulati u lastri ta’ l-istampar jew dispożizzjonijiet għall-verifika KEE ta’ l-immarkar." 9. L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej: "L-Artikolu 10 Meta strument ikun għadda b’suċċess minn verifika inizjali tal-KEE, skond il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi separati, il-marki ta’ verifika parzjali jew finali tal-KEE mfissra fl-Anness II ma’ din id-Direttiva għandhom jitwaħħlu ma’ dak l-istrument taħti ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru skond ir-Regoli stipulati f’dak l-Anness." 10. L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej: "L-Artikolu 13 Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni tas-servizzi, aġenziji u istituti li huma debitament awtorizzati li jwettqu eżamijiet speċifikati f’din id-Direttiva u fid-direttivi separati, biex joħorġu ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u biex iwaħħlu l-marki ta’ verifika inizjali tal-KEE." 11. L-Artikolu 15 jinbidel b’dan li ġej: "L-Artikolu 15 Id-direttivi separati għandhom jispeċifikaw il-ħtiġiet ta’ kontroll għall-istrumenti fis-servizz li jkollhom sinjali jew marki tal-KEE u partikolarment l-iżbalji massimi permissibbli fis-servizz. Jekk dispożizzjonijiet nazzjonali fuq strumenti li ma jkollhomx sinjali jew marki tal-KEE jistipulaw ħtiġiet anqas iebsin, dawn ta’ l-aħħar jistgħu jservu bħala kriterji għall-kontrolli." 12. Il-Kapitolu VI huwa mħassar u l-Kapitolu VII jsir il-Kapitolu VI u jaqra kif ġej: "IL-KAPITOLU VI Aġġustament tad-direttivi għall-progress tekniku L-Artikolu 16 L-emendi meħtieġa għall-aġġustament għall-progress tekniku ta’ l-Annessi ma’ din id-Direttiva u l-Annessi mad-direttivi separati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18. Iżda, din il-proċedura m’għandhiex tapplika għall-kapitolu dwar l-unitajiet tal-kejl imperjali ta’ l-Anness mad-Direttiva fuq unitajiet ta’ kejl u l-Annessi, dwar il-meded ta’ kwantità għall-kwantitajiet ta’ prodotti imballati minn qabel, mad-direttivi fuq prodotti imballati minn qabel. L-Artikolu 17 1. Kumitat għall-aġġustament għall-progress tekniku tad-Direttivi msemmija fl-Artikolu 16 (minn hawn ’il quddiem msejjaħ "il-Kumitat") huwa stabbilit b’dan. Il-Kumitat għandu jikkonsisti minn rappreżentati ta’ l-Istati Membri b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president. 2. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura. L-Artikolu 18 1. Fejn il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu għandha tkun segwita, kwistjonijiet għandhom jiġu mgħoddija lill-Kumitat mill-president, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ xi Stat Membru. 2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’limitu taż-żmien stabbilit mill-President filwaqt li jqis l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjonijiet għandhom ikunu adottati b’maġġoranza kkwalifikata kif stipulat fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota. 3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti fejn ikunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat. (b) Fejn il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew l-ebda opinjoni ma tiġi adottata, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tipproponi lill-Kunsill x’miżuri jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata. (c) Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta l-proposta tiġi sottomessa lilu, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.;" 13. It-titlu "Il-Kapitolu VIII" hu mibdul b’ "Il-Kapitolu VII" u l-Artikoli 20,21 u 22 isiru l-Artikolu 19, 20 u 21, rispettivament. 14. Fl-Artikolu 19, "li jipprojbixxi bejgħ jew użu" hu mibdul bi "li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew dħul fis-servizz". L-Artikolu 2 L-Istati Membru għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1985. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 1983. Għall-Kunsill Il-President G. Moraitis [1] ĠU C 42, tal-15.2.1979, p. 9. [2] ĠU C 127, tal-21.5.1979, p. 80. [3] ĠU C 247, ta’ l-1.10.1979, p. 22. [4] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 1. --------------------------------------------------