31983L0417



Official Journal L 237 , 26/08/1983 P. 0025 - 0031
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 13 P. 0077
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 14 P. 0154
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 13 P. 0077
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 14 P. 0154


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-25 ta’ Lulju 1983

dwar l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem

(83/417/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ f’uħud mill-Istati Membri jiddefinixxu l-komposizzjoni u l-karatteristiċi tal-manifattura tal-kaseini u tal-kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem flimkien mal-kondizzjonijiet li dawn il-prodotti għandhom jħarsu sabiex jistgħu jintużaw ċerti denominazzjonijiet rigward tagħhom jew sabiex ikun jista’ jiġi awtorizzat l-użu fit-tħejjijiet ta’ oġġetti ta’ l-ikel oħra; billi dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżistux fil-preżent fi Stati Membri oħra;

Billi din is-sitwazzjoni hija hekk illi tfixkel il-moviment liberu tal-kaseini u l-kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u toħloq kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta bejn l-utenti; billi għalhekk għandha effett dirett fuq il-mod kif jiġi stabbilit is-suq komuni u l-funzjonament tiegħu;

Billi huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu stabbiliti, fil-livell Komunitarju, ir-regoli li għandhom jiġu osservati rigward il-komposizzjoni u t-tikkettjar ta’ dawn il-prodotti;

Billi fil-preżent, il-kaseini u l-kaseinati li jittieklu mhumiex ġeneralment mibjugħa lill-aħħar konsumatur; billi, madankollu, jekk dan il-bejgħ isir, għandha tapplika wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel għall-bejgħ lill-aħħar konsumatur [4];

Billi, min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-kummerċ huwa prudenti li jiġu adottati, f’livell Komunitarju, ir-regoli għat-tikkettjar li japplikaw għall-kaseini u l-kaseinati li jittieklu maħsuba għall-użu fil-kummerċ;

Billi l-programm preliminari tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta’ protezzjoni u ta’ tagħrif lill-konsumatur [5] jipprovdi għal azzjoni Komunitarja f’oqsma li huma ta’ importanza speċjali għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur, notevolment, f’dik ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel;

Billi l-proċess għad-definizzjoni tal-proċeduri ta’ kampjunar u tal-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex jiġu ttestjati l-komposizzjoni u l-proprjetajiet l-oħra tal-prodott fil-kwistjoni jikkostitwixxi miżura teknika ta’ implimentazzjoni li l-adozzjoni tagħha għandha tiġi fdata f’idejn il-Kummissjoni sabiex tissimplifika u tgħaġġel il-proċedura;

Billi fil-każijiet kollha li għalihom il-Kummissjoni tingħata l-poter mill-Kunsill sabiex timplimenta r-regoli li japplikaw għall-oġġetti ta’ l-ikel għall-konsum mill-bniedem, għandha tiġi pprovvduta proċedura sabiex isseħħ il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit skond id-Deċiżjoni 69/414/KEE [6],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-lattoproteini, kif iddefiniti fl-Annessi, u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem u t-taħlitiet tagħhom.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

- "kaseini" tfisser il-kostitwent prinċipali tal-proteina tal-ħalib, maħsul u mnixxef, li ma jinħallx fl-ilma u miksub mill-ħalib xkumat permezz tal-preċipitazzjoni:

- biż-żieda ta’ l-aċidu, jew

- bl-aċidifikazzjoni mikrobjali, jew

- bl-użu tat-tames, jew

- bl-użu ta’ enżimi oħrajn li jgħaqqdu l-ħalib,

mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ l-użu minn qabel tal-proċessi ta’ l-iskambju tal-joni u l-proċessi tal-konċentrazzjoni,

- "kaseinati" tfisser il-prodotti miksuba bit-tnixxif tal-kaseini ttrattati b’aġenti li jinnewtralizzaw,

- "ħalib xkumat" ifisser il-ħalib ta’ baqra waħda jew aktar li miegħu ma jkun ġie miżjud xejn u li minnu jkun tnaqqas il-kontenut tal-grass biss.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi:

- il-prodotti ddefiniti fl-Annessi jistgħu jiġu mqiegħda fis-suq biss jekk jikkonformaw mad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u fl-Annessi magħha, u

- il-prodotti li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Annessi jissemmew u jiġu ttikkettjati bil-mod illi x-xerrej ma jiġix imqarraq dwar in-natura, il-kwalità jew l-użu tagħhom.

L-Artikolu 3

L-ismijiet li hemm referenza għalihom fl-Annessi għandhom ikunu riservati għall-prodotti definiti u għandhom jintużaw kummerċjalment sabiex jiddenominaw dawn il-prodotti.

L-Artikolu 4

1.Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 79/112/KEE u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Komunità li jirrigwardaw it-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel mhux maħsuba għall-aħħar konsumatur, l-uniċi dettalji mandatorji li għandhom jiġu mmarkati fuq il-pakketti, il-kontenituri jew it-tikketti tal-prodotti ddefiniti fl-Anness, id-dettalji li għandhom jkunu jidhru b’mod ċar, jinqraw faċilment u f’karattri li ma jitħassrux, għandhom ikunu kif ġej:

(a) l-isem riservat għal dawn il-prodotti skond l-Artikolu 3 ma’, fil-każ tal-kaseinati, indikazzjoni tal-katjon jew il-katjoni;

(b) fil-każ tal-prodotti mqiegħda fis-suq bħala taħlitiet,

- il-kliem "taħlita ta’…" segwit mill-ismijiet tal-prodotti differenti li jagħmlu t-taħlita, fl-ordni dixxendenti tal-piż,

- indikazzjoni tal-katjon jew tal-katjoni fil-każ tal-kaseini jew il-kaseinati,

- il-kontenut tal-proteini fil-każ tat-taħlitiet li jkun fihom il-kaseinati;

(ċ) il-kwantità netta espressa fl-unitajiet tal-massa li ġejjin: kilogrammi jew grammi. Sat-tmiem tal-perjodu transitorju taż-żmien li matulu jintużaw l-unitajiet imperjali tal-kejl li jinsabu fil-Kapitolu D ta’ l-Anness mad-Direttiva 71/354/KEE tat-18 ta’ Ottubru 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-unitajiet tal-kejl [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 76/770/KEE [8], huwa awtorizzat fil-Komunità, l-Irlanda u r-Renju Unit jistgħu jippermettu li l-kwantità tkun espressa biss fl-unitajiet imperjali tal-kejl ikkalkolati fuq il-bażi tar-rati tal-konverżjoni li ġejjin:

1 ml = 0,0352 uqiji fluwidi (imperjali),

1 l = 1,760 pinta (imperjali) jew 0,220 ta’ gallun (imperjali),

1 g = 0,0353 uqiji (avoirdupois),

1 kg = 2,205 libbri.

(d) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-fabbrikant, jew ta’ min jippakkja, jew ta’ bejjiegħ stabbilit fil-Komunità;

Madankollu, fil-każ tal-produzzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jeħtieġu li jissemmew id-dettalji ta’ l-istabbiliment tal-manifattura jew tal-imballaġġ;

(e) fil-każ tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi, l-isem tal-pajjiż ta’ l-oriġini;

(f) id-data tal-manifattura jew il-marka li biha jista’ jiġi identifikat il-lott.

2. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-bejgħ tal-kaseini u l-kaseinati li jittieklu fit-territorju tagħhom jekk il-partikolaritajiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1(a), (b), (e) u (f) ma jidhrux f’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mix-xerrej, għajr jekk dan ta’ l-aħħar jingħata dan it-tagħrif b’mezzi oħra; din id-dispożizzjoni m’għandhiex tipprekludi d-dehra tal-partikolaritajiet imsemmija f’lingwi diversi.

Il-partikolaritajiet speċifikati fit-tielet inċiż tal-paragrafu 1(b), it-tielet inċiż, (ċ), (d), u (e) ta’ l-istess paragrafu jeħtieġu jidhru biss fid-dokument ta’ akkumpanjament. Għat-trasport bil-massa, din id-deroga tista’ tiġi estiża għat-tieni inċiż ta’ (b), u għal (f).

L-Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji adottati fil-qasam tas-saħħa u l-iġjene f’konnessjoni mal-materjali bażiċi li hemm referenza għalihom fl-Annessi I u II, dawn il-prodotti għandhom ikunu bla ħsara għal trattament bis-sħana li jirrendi l-fosfatase negattiv.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-kummerċ fil-prodotti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 li jikkonformaw mad-definizzjonijiet u mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva u ma’ l-Annessi ta’ magħha ma jistgħux jiġu mfixkla bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-komposizzjoni u l-manifattura, il-imballaġġ jew it-tikkettjar ta’ dawn il-prodotti jew ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel b’mod ġenerali.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għad-dispożizzjonijiet mhux armonizzati li jkunu ġġustifikati għar-raġunijiet ta’:

- il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

- il-prevenzjoni tal-frodi għajr jekk dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jimpedixxu l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti b’din id-Direttiva,

- il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, l-indikazzjonijiet tas-sors, id-denominazzjoni rreġistrata ta’ l-oriġini u l-prevenzjoni tal-kompetizzjoni mhux ġusta.

L-Artikolu 7

1. Meta, b’riżultat tat-tagħrif ġdid jew ta’ l-istima mill-ġdid tat-tagħrif eżistenti magħmul minn mindu tkun ġiet adottata din id-Direttiva, Stat Membru jsib illi teżisti xhieda ddettaljata illi l-użu fil-prodotti definiti fl-Annessi I u II ma’ hawn ta’ waħda mis-sustanzi li hemm referenza għalihom fihom jew il-kwantità massima tas-sustanzi li jistgħu jintużaw jikkostitwixxu periklu għas-saħħa tal-bniedem, għalkemm jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, dan l-Istat Membru jista’ jissospendi temporanjament jew jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-kwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan minnufih u għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina malajr kemm jista’ jkun ir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru interessat u għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel; il-Kummissjoni għandha mbagħad tagħti l-opinjoni tagħha minnufih u tieħu l-miżuri approprjati kollha.

3. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra illi huma meħtieġa emendi għad-Direttiva sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 u sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, għandha tibda l-proċedura pprovvduta fl-Artikolu 10 bil-għan li jiġu adottati dawn l-emendi. F’dan il-każ, l-Istat Membru li jkun adotta l-miżuri ta’ salvagward jista’ jżommhom sakemm dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ.

L-Artikolu 8

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta fejn meħtieġ il-kriterji tas-safa għall-awżiljari teknoloġiċi li hemm referenza għalihom fl-Annessi.

L-Artikolu 9

Dan li ġej għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10:

(a) il-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex jiġu ċċekkjati l-kriterji tas-safa li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 8;

(b) il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni u l-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex jiġu ċċekkjati l-ispeċifikazzjonijiet tal-kompożizzjoni u tal-manifattura fil-waqt tal-manifattura tal-prodotti ddefiniti fl-Annessi.

L-Artikolu 10

1. Meta tiġi invokata l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE, minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat", mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu, jew fuq it-talba ta’ rappreżentant ta’ l-Istati Membri.

2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz imsemmi f’dak iż-żmien li jistabbilixxi l-president tal-Kumitat fid-dawl ta’ l-urġenza tal-materja fil-kwistjoni. Il-Kumitat għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ mill-inqas 45 vot, bil-voti ta’ l-Istati Membri jiġu ppeżati skond l-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president m’għandux jieħu sehem fil-votazzjoni.

3 (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kkontemplati meta jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Meta l-miżuri kkontemplati ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew meta ma tkun ingħatat l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti minnufih lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, meta jiskadi l-perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-materja tkun ġiet riferita lill-Kunsill, dan ta’ l-aħħar ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-prodotti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dawk l-emendi lill-liġijiet tagħhom skond kif meħtieġ sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b’dan; il-liġijiet hekk emendati għandhom jiġu applikati b’mod illi:

- jippermettu l-kummerċ fil-prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard minn sentejn wara n-notifika tagħha [9],

- jipprojbixxu l-kummerċ fil-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva tliet snin wara n-notifika tagħha.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Lulju 1983.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Simitis

[1] ĠU C 50, ta’ l-24.2.1979, p. 5.

[2] ĠU C 140, tal-5.6.1979, p. 174.

[3] ĠU C 247, ta’ l-1.10.1979, p. 54.

[4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.

[5] ĠU C 92, tal-25.4.1975, p. 1.

[6] ĠU L 291, tad-29.11.1969, p. 9.

[7] ĠU L 243, tad-29.10.1971, p. 29.

[8] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 204.

[9] Din Id-Direttiva kienet innotifikata lill-Istati Membri fit-2 ta’ Awissju 1983.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IL-KASEINI LI JITTIEKLU

I. L-ISMIJIET U D-DEFINIZZJONIJIET

(a) "kaseinia aċiduża li tittiekel" tfisser il-kaseina li tittiekel miksuba permezz tal-preċipitazzjoni bl-użu ta’ l-awżiljari teknoloġiċi u l-kulturi batterjali elenkati fit-Taqsima II(d) li tikkonforma ma’ l-istandards stabbiliti fit-Taqsima II.

(b) "kaseina mit-tames li tittiekel" tfisser il-kaseina li tittiekel miksuba permezz tal-preċipitazzjoni bl-użu ta’ l-awżiljari teknoloġiċi elenkati fit-Taqsima III(d) li tikkonforma ma’ l-istandards stabbiliti fit-Taqsima III.

II. L-ISTANDARDS LI JAPPLIKAWI GĦALL-"KASEINA AĊIDUŻA LI TITTIEKEL"

(a) Il-fatturi essenzjali tal-komposizzjoni

1.Il-kontenut massimu ta’ l-irtuba | 10,0 % tal-piż |

2.Il-kontenut minimu tal-proteina tal-ħalib ikkalkolat fuq l-estratt imnixxefli minnu l-kontenut tal-kaseina huwa | 90 % tal-piż 95 % tal-piż |

3.Il-kontenut massimu tal-grass tal-ħalib ikkalkolat fuq l-estratt imnixxef | 2,25 % tal-piż |

4.L-aċidità massima li tista’ tiġi ttitrata, espressa f’ml ta’ soluzzjoni tas-sodju idrossidu deċinormali għal kull g | 0,27 |

5.Il-kontenut masssimu tar-rmied (inkluż il-P2O5) | 2,5 % tal-piż |

6.Il-kontenut massimu tal-lattosi anidru | 1 % tal-piż |

7.Il-kontenut massimu tas-sediment (partikoli maħruqa) | 22,5 mg f’25 g |

(b) Il-Kontaminanti

Il-kontenut massimu taċ-ċomb | 1 mg/kg |

(ċ) L-Impuritajiet

Il-materji estranji (bħalma huma l-partikoli ta’ l-injam jew tal-metall, ix-xagħar jew il-frak ta’ l-insetti) | xejn f’25 g |

(d) L-awżiljari teknoloġiċi u l-kulturi batterjali li ma jagħmlux ħsara xierqa għall-konsum mill-bniedem

(i) - l-aċidu lattiku (E 270)

- l-aċidu idrokloriku

- l-aċidu sulfuriku

- l-aċidu ċitriku (E 330)

- l-aċidu aċetiku (E 260)

- l-aċidu ortofosforiku

(ii) - ix-xorrox

- il-kulturi batterjali li jipproduċu l-aċidu lattiku

(e) Il-karatterisiċi organolettiċi

Ir-riħa : L-ebda rwejjaħ barranija

Id-dehra : Kulur li jvarja minn abjad għal abjad kulur il-krema; il-prodott m’għandux ikun fih boċċi li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa.

III. L-ISTANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-“KASEINA MIT-TAMES LI TITTIEKEL”

(a) Il-fatturi essenzjali tal-komposizzjoni

1.Il-kontenut massimu ta’ l-irtuba | 10, 0 % m/m |

2.Il-kontenut minimu tal-proteina tal-ħalib ikkalkolat fuq l-estratt imnixxefli minnu l-kontenut tal-kaseina huwa | 84 % tal-piż 95 % tal-piż |

3.Il-kontenut massimu tal-grass tal-ħalib ikkalkolat fuq l-estratt imnixxef | 2 % tal-piż |

4.Il-kontenut minimu tar-rmied (inkluż il-P205) | 7,50 % tal-piż |

5.Il-kontenut massimu ta’ lattosi anidru | 1 % tal-piż |

6.Il-kontenut massimu ta’ sediment (partikoli maħruqin) | 22,5 mg f’25 g |

(b) Il-kontaminanti

Il-kontenut massimu taċ-ċomb ta’ | 1 mg/kg |

(ċ) L-impuritajiet

Il-materjali estranji (bħalma huma l-partikoli ta’ l-injam jew tal-metall, ix-xagħar jew il-frak ta’ l-insetti) | xejn f’25 g |

(d) L-awżiljari teknoloġiċi li ma jagħmlux ħsara u li huma tajba għall-konsum mill-bniedem

- it-tames

- l-enżimi l-oħra li jgħaqqdu l-ħalib

(e) Il-karatterisiċi organolettiċi

Ir-riħa : L-ebda rwejjaħ barranija.

Id-dehra : Kulur li jvarja minn abjad għal abjad kulur il-krema; il-prodott m’għandux ikun fih boċċi li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-KASEINATI LI JITTIEKLU

I. ID-DENOMINAZZJONIJIET U D-DEFINIZZJONIJIET

"kaseinati li jittieklu": ifissru l-kaseinati miksuba minn kaseini li jittieklu bl-użu ta’ aġenti newtralizzanti tal-kwalità li tittiekel elenkati taħt it-Taqsima II(d) u li jikkonformaw ma’ l-istandards stabbiliti fit-Taqsima II.

II. L-ISTANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINATI LI JITTIEKLU

(a) Il-fatturi essenzjali tal-komposizzjoni

1.Il-kontenut massimu ta’ l-irtuba | 8 % tal-piż |

2.Il-kontenut minimu tal-kaseina tal-proteini tal-ħalib ikkalkolat fuq l-estratt imnixxef | 88 % tal-piż |

3.Il-kontenut massimu tal-grass tal-ħalib, ikkalkolat fuq l-estratt imnixxef | 2,0 % tal-piż |

4.Il-kontenut massimu tal-lattosi anidru | 1,0 % tal-piż |

5.Il-valur pH | minn 6,0 sa 8,0 |

6.Il-kontenut massimu tas-sediment (il-partikoli maħruqin) | 22,5 mg f’25 g |

(b) Il-kontaminanti

Il-kontenut massimu taċ-ċomb | 1 mg/kg |

(ċ) L-impuritajiet

Il-materji estranki (bħalma huma l-partikoli ta’ l-injam jew tal-metall, ix-xagħar jew il-frak ta’ l-insetti) | xejn f’25 g |

(d) L-awżiljari teknoloġiċi tal-kwalità li jittieklu

(l-aġenti newtralizzanti u li jservu biex inaqqsu l-qawwa, mhux mandatorji)

| | sodju potassju kalċju ammonju manjeżju |

idrossidi | ta' | |

karbonati | |

fosfati | |

ċitrati | |

(e) Il-karatteristiċi

Ir-riħa : Togħmiet u rwejjaħ barranin ħfief ħafna.

Id-dehra : Kulur li jvarja minn abjad għal kulur il-krema; il-prodott m’għandux ikun fih boċċi li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa.

Is-solubbiltà : Kważi solubbli għal kollox fl-ilma ddistillat, għajr għall-kalċju tal-kaesina.

--------------------------------------------------