31982L0623



Official Journal L 252 , 27/08/1982 P. 0005 - 0007
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0107
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0253
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0107
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 12 P. 0253


Id-Direttiva tal-Kummissjoni

ta’ l-1 ta’ Lulju 1982

li taddatta għall-progress tekniku għat-tielet darba id-Direttiva tal-Kunsill 71/318/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ meters volumetriċi tal-gass

(82/623/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 71/316/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet komuni kemm għal strumenti ta’ kejl kif ukoll għal metodi ta’ kontroll metroloġiku [1], kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni tal-Greċja, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha,

Billi, minħabba l-iżviluppi tekniċi fil-qasam inkwistjoni, id-Direttiva 71/318/KEE [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 78/365/KEE [3], għandha tiġi emendata;

Billi l-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Direttiva huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku tad-Direttivi għall-Elemininazjoni ta’ Ostakoli Tekniċi fil-Kummerċ ta’ Strumenti ta’ Kejl,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Fl-Anness tad-Direttiva 71/318/KEE it-testi tal-punti I.B. 3.2.3, I.B. 8, I.B. 9.2.1, I.B. 10, II. 5.2.1, III. 3.1.1, III. 3.3 u III. 7.1 huma b’hekk mibdulin bi qbil ma’ l-Anness ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fl-1 ta’ Mejju 1983. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta’ Lulju 1982.

Għall-Kummissjoni

Karl-Heinz narjes

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 1.

[2] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 21.

[3] ĠU L 104, tat-18.4.1978, p. 26.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

I.B. 3.2.3. Meta ma jkunux imqabbdin ma’ apparat addizjonali li jista’ jinqala, it-trufijiet esposti tal-fisien taċ-ċaqlieq (drive shafts) għandhom ikunu protetti kif xieraq.

I.B. 8. Lok tal-marki u siġilli ta’ verifikazzjoni

8.1. Il-lok tal-marki u s-siġilli għandu jiġi magħżul hekk li l-iżmontar tal-parti ssiġillata b’waħda mill-marki jew mis-siġilli jirriżulta fi ħsara għal dawn.

8.2. Meta l-iskrizzjonijiet imsemmija fil-punt I.B. 4.1 jiġu mwaħħlin fuq pjanċa speċjali ta’ informazjoni, u jekk din il-pjanċa ma tkunx imwaħħla permanenti, waħda mill-marki jew mis-siġilli għandha titqiegħed hekk li din issirilha ħsara jekk il-pjanċa speċjali tkun imneħħija, l-għan ikun li l-pjanċa imsemmija ma tkunx tista’ titneħħa.

8.3. Għandhom ikunu pprovduti postijiet għall-marki u s-siġilli ta’ verifika:

(a) fuq il-pjanċi kollha li jkollhom fuqhom l-iskrizzjonijiet meħtieġa b’dan l-Anness bl-eċċezzjoni ta’ pjanċi li huma mwaħħlin b’mod permanenti;

(b) il-partijiet kollha tal-meter li ma jistgħux ikunu protetti b’mod ieħor kontra t-tbagħbis li jista’:

- jaffettwa jew jibdel l-indikazzjoni fuq l-apparat indikatur tal-meter,

- jibdel jew jikser it-tqabbid bejn l-apparat ta’ kejl u l-apparat indikatur,

- ineħħi jew iċaqlaq partijiet metroloġiċi importanti tal-meter;

(ċ) mat-tqabbid ma’ l-appart addizjonali li jista’ jinqala’ jew ma’ l-apparat ta’ protezzjoni li hemm referenza għalih f’punt I.B. 3.2.3.

I.B.9.2.1. Meters tal-gass sottomessi għal verifika tal-bidu tal-KEE għandhom ikunu fi stat tajjeb ta’ tħaddim. Verifika tal-bidu tal-KEE mhiex garanzija tat-tħaddim xieraq jew ta’ preċiżjoni ta’ qari ta’ l-apparat addizjonali kif hemm referenza għalihom fil-punti I.B. 3.1 jew I.B. 3.2. L-ebda marki ta’ verifika tal-KEE jew siġilli tal-KEE m’għandhom jiġu mwaħħlin ma’ dak l-apparat addizjonali, għajr għal tqabbid li għalih hemm provdut fil-Punt I.B. 8.3. ċ.

I.B. 10. Marki u siġilli ta’ verifika

10.1. Twaħħil

Meters li jkunu għaddew b’suċċess minn testijiet ta’ verifika:

- għandhom ikunu pprovduti b’marka ta’ verifika tal-bidu tal-KEE,

- għandhom jirċievu siġilli tal-KEE fil-postijiet imsemmija fil-Punt I.B. 8.3.

10.2. Skop

It-twaħħil tal-marki u tas-siġilli ta’ verifika tal-bidu tal-KEE fuq meter tal-gass jiċċertifikaw biss li l-meter jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

II. 5.2.1. Meta t-torques massimi indikati fuq l-meter tal-gass bi qbil mal-Punt I.B. 3.2.1 jew I.B. 3.2.2 jiġu applikati għal fisien taċ-ċaqlieq, l-indikazjoni fuq l-meter tal-gass fi Qmin m’għandiex tvarja b’aktar minn 1,5 %, mingħajr preġudizju għall-Punt II. 6.3.2.

III. 3.1.1. Meters għandhom jinkorporaw kemm ’l isfel kif ukoll ’il fuq fiċ-ċirkuwitu tal-gass, vit ta’ pressjoni statika għall-kejl ta’ l-assorbiment tal-pressjoni; il-pressjoni mkejla fil-bidu għandha tikkostitwixxi il-pressjoni ta’ referenza.

III. 3.3. Viti ta’ pressjoni

3.3.1. Toqob għal viti ta’ pressjoni għandhom ikollhom dijametru ta’ mill-anqas 3 mm. Fil-każ ta’ viti ta’ pressjoni f’għamla ta’ qasma, il-qasmiet għandhom ikollhom wisa’ ta’ mill-anqas 2 mm u cross-section fid-direzzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta’ mill-anqas 10 mm2.

3.3.2. Il-viti ta’ pressjoni għandhom ikunu pprovduti b’mezzi ta’ għeluq hekk li jagħmluha tali li l-gass ma jkunx jista’ joħroġ minnhom.

3.3.3. Il-viti ta’ pressjoni għall-pressjoni ta’ referenza għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar u b’mod li ma jitħassarx bl-ittra "pr" u l-viti l-oħra ta’ pressjoni bl-ittra "p".

III. 7.1. Testijiet ta’ preċiżjoni

Meter ikun meqjus li jkun jissodisfa l-ħtiġiet li jikkonċernaw l-iżbalji massimi permissibli jekk il-ħtiġiet jiġu ssodisfati fir-rati ta’ ċirkolazzjoni li ġejjin:

Qmin, 0,10 Qmax (jekk il-valur ikun akbar minn Qmin), 0,25 Qmax, 0,40 Qmax, 0,70 Qmax and Qmax.

Jekk l-eżaminazzjoni tiġi mwettqa taħt kondizzjonijiet differenti, il-garanziji għandhom ikunu għallinqas daqs dawk miksubin bit-testijiet imsemmija hawn fuq.

--------------------------------------------------