31981L0575



Official Journal L 209 , 29/07/1981 P. 0030 - 0031
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0147
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0213
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0147
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 11 P. 0213


Id-Direttiva tal-Kunsill

ta’ l-20 ta’ Lulju 1981

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà ta’ vetturi bil-mutur

(81/575/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 76/115/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ankoraġġi għaċ-ċinturini tas-sigurtà ta’ vetturi bil-mutur [4] tistabilixxi interalia fl-Anness I ħtiġiet li jikkonċernaw in-numru minimu ta’ ankoraġġi taċ-ċinturini li għandhom jiġu pprovduti għal vetturi tal-kategorija M1 kif definit fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 80/1267/KEE [6];

Billi fl-interess tas-sigurtà fit-triq it-twaħħil ta’ ċinturini tas-sigurtà u tas-sistemi ta’ trażżin li jikkonformaw mad-Direttiva tal-Kunsill 77/541/KEE tat-28 Ġunju 1977 dwar l-aprossimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ċinturini tas-sigurtà u sistemi ta’ trażżin ta’ vetturi bil-mutur [7] għandu minn issa ‘l quddiem ikun meħtieġ f’vetturi ta’ ċerti kategoriji M u N u permessi u nkoraġġuti għal vetturi fil-kategoriji l-oħra M u N; billi huwa għalhekk neċessarju, fil-kwadru ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ vetturi bil-mutur, li jiġi provdut għal ankoraġġi għall-kategoriji differenti ta’ vetturi; billi għal dan l-iskop il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/115/KEE għandu jiġi estiż sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jarmaw dawn il-vetturi b’ankoraġġi li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ dik id-Direttiva; billi din l-estensjoni saret possibbli bil-progress tekniku fil-kostruzzjoni ta’ vetturi bil-mutur;

Billi għal dan l-iskop id-Direttiva 76/115/KEE għandha tiġi emendata;

Billi emenda ta’ dik id-Direttiva tfisser li jiġu adattati għall-progress tekniku ċertu ħtiġiet fl-Annessi tad-Direttiva 76/115/KEE; billi d-dħul fis-seħħ tad-disposizzjonijiet tad-Direttiva preżenti għandu jsir biex jikkoinċidi ma’ dak tad-disposizzjonijiet li, wara l-adozzjoni tad-Direttiva preżenti, imbagħad jiġu adottati sabiex jiġu adattati l-ħtiġiet ta’ l-Annessi għad-Direttiva 76/115/KEE għall-progress tekniku,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 76/115/KEE għandha tiġi emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur fil-kategoriji M u N kif definit fl-Anness I mad-Direttiva 70/156/KEE maħsuba għall-użu fit-triq, li jkollha mill-inqas erba’ roti u veloċità massima ddisinjata li teċċedi l-25 km fis-siegħa."

2. Fl-Anness I:

(a) Is-Sezzjoni 4.3.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

"4.3.1. Għas-sedili ta’ quddiem tal-vetturi fil-kategorija M1, fil-kategorija M2 (ħlief vetturi ta’ piż massimu permessibbli li jeċċedi t-3500 kg u dawk li jinkludu postijiet speċjali maħsuba għal passiġġiera bil-wieqfa) u l-kategoriji N1, N2 u N3, żewg ankoraġġi taċ-ċinturin l-iktar baxxi u ankoraġġ wieħed ta’ fuq taċ-ċinturin għandhom jiġu pprovduti. Madankollu, għal sedili centrali ta’ quddiem, żewġ ankoraġġi tac-cinturin l-iktar baxxi huma meqjusa bħala suffiċjenti meta l-windscreen ikun jinsab barra ż-żona ta’ referenza definita fl-Anness II tad-Direttiva 74/60/KEE. Fir-rigward ta’ l-ankoraġġi taċ-ċinturin il-windscreen hija kkunsidrata parti taż-żona ta’ referenza meta huwa kapaċi jidħol f’kuntatt statiku ma’ l-apparat tat-test skond il-metodu deskritt fl-Anness II."

(b) Is-Sezzjonijiet 4.3.1.1 u 4.3.1.2 huma mħassra;

(c) Is-Sezzjoni 4.3.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

"4.3.2. Għas-sedili esterjuri l-oħra ta’ vetturi fil-kategorija M1, għandu jkun hemm żewġ ankoraġġi taċ-ċinturin ‘l isfel u ankoraġġ wieħed ta’ fuq taċ-ċinturin."

(d) Is-Sezzjoni 4.3.3 hija sostitwita b’dan li ġej:

"4.3.3. Għas-sedili l-oħra kollha ta’ vetturi tal-kategorija M1, u għas-sedili l-oħra kollha mhux protetti f’kategoriji barra minn dik ta’ M1 kif imesmmi f’4.3.1, għandu jkun hemm minimu ta’ żewġ ankoraġġi taċ-ċinturin ‘l isfel.

Għall-iskop ta’ definizzjoni ta’ "sedil protett", "żona ta’ protezzjoni" tfisser iż-żona quddiem sedil u li tkun tinsab:

- bejn żewġ pjani orizzontali, waħda minn ġo l-punt H u l-oħra 400 mm ‘l fuq minnha;

- bejn żewg pjani vertikali lonġitudinali li huma simmetriċi f’relazzjoni mal-punt H u huma 400 mm ‘il bogħod minn xulxin;

- wara pjan transvers vertikali 1.30 m mill-punt H

Fi kwalunkwe pjan vertikali trasvers, "żona ta’ paravendu" tfisser superfiċi kontinwa b’tali mod li, jekk sfera b’djametru ta’ 165 mm tiġi proġettata f’direzzjoni orizzontali lonġitudinali minn ġo kwalunkwe punt taż-żona u minn ġo ċ-ċentru ta’ l-isfera, ma hemm imkien fiż-żona ta’ protezzjoni xi apertura li minnha tista’ tiġi mgħoddija l-isfera.

Sedil huwa kkunsidrat protett jekk iż-żoni paravendu fiż-żona ta’ protezzjoni għandhom arja ta’ superfiċi kkumbinata ta’ mill-inqas 800 cm2."

(e) Is-Sezzjoni 4.3.4 hija sostitwita b’dan li ġej:

"4.3.4. Għas-sedili kollha li jintwew (tip-up), kif ukoll is-sedili kollha ta’ kwalunkwe vettura li mhumiex koperti bis-sezzjonijiet 4.3.1, 4.3.2 u 4.3.3, ebda ankoraġġi taċ-ċinturini ma huma meħtieġa. Madankollu, jekk il-vettura tkun mgħammra b’ankoraġġi għal dawn is-sedili, dawn l-ankoraġġi għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ id-disposizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fl-istess data bħal dik skedata għad-dħul fis-seħħ tad-disposizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva li għandha tiġi adottata wara din id-Direttiva skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/115/KEE, sabiex il-ħtiġiet ta’ l-Annessi ta’ din l-aħħar Direttiva jistgħu jiġu adattati għal progress tekniku. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ Lulju 1981.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Walker

[1] ĠU C 87, tad-9.4.1980, p. 5.

[2] ĠU C 265, tat-13.10.1980, p. 77.

[3] ĠU C 230, tat-8.9.1980, p. 6.

[4] ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 6.

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1.

[6] ĠU L 375, tal-31.12.1980, p. 34.

[7] ĠU L 220, tad-29.8.1977, p. 95.

--------------------------------------------------