Official Journal 017 , 06/10/1958 P. 0385 - 0386
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0014
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0014
Danish special edition: Series I Chapter 1952-1958 P. 0059
English special edition: Series I Chapter 1952-1958 P. 0059
Greek special edition: Chapter 01 Volume 1 P. 0014
Spanish special edition: Chapter 01 Volume 1 P. 0008
Portuguese special edition Chapter 01 Volume 1 P. 0008
Ir-Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA, Wara li kkunsidra l-Artikolu 217 tat-Trattat li jipprovdi li r-regoli li jirregolaw il-lingwi ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li jinsabu fir-regoli ta' proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu stabbiliti mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b'mod unanimu; Billi kull waħda mill-erba' lingwi li bihom tfassal it-Trattat hija rikonoxxuta bħala lingwa uffiċjali f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Komunità; ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta' ħidma fl-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom ikunu l-Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan. Artikolu 2 Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f'kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa. Artikolu 3 Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta' dak l-Istat. Artikolu 4 Ir-regoli u d-dokumenti l-oħra ta' applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu mfassla fl-erba' lingwi uffiċjali. Artikolu 5 Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità għandu jkun ippubblikat fl-erba' lingwi uffiċjali. Artikolu 6 L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta' proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f'każijiet speċifiċi. Artikolu 7 Il-lingwi li għandhom jintużaw fil-proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tagħha. Artikolu 8 Jekk xi Stat Membru jkollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, il-lingwa li għandha tintuża għandha tkun, fuq talba minn dak l-Istat, irregolata mir-regoli ġenerali tal-liġi tiegħu. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' April 1958. Għall-Kunsill Il-President V. Larock --------------------------------------------------