21976A0601(01)



Official Journal L 168 , 28/06/1976 P. 0002 - 0006
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 3 P. 0011
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 3 P. 0011
Greek special edition: Chapter 11 Volume 8 P. 0095
Spanish special edition: Chapter 11 Volume 6 P. 0124
Portuguese special edition Chapter 11 Volume 6 P. 0124


Ftehim ta’ kooperazzjoni kummerċjali

bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

min-naħa waħda,

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA ISLAMIKA TAL-PAKISTAN,

min-naħa l-oħra,

WARA LI KKUNSIDRAW ir-relazzjonijiet tajbin u konnessjonijiet istoriċi bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Islamika tal-Pakistan u x-xewqa komuni tagħhom li jikkonsolidaw u jespandu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom;

ISPIRATI mid-determinazzjoni tagħhom biex isaħħu, jagħmlu aktar profondi u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi tagħhom fuq il-bażi ta’ vantaġġ komparattiv u ġid reċiproku;

WAQT LI JĦARSU lejn il-politika kummerċjali moderna bħala strument importanti biex ikun hemm iżjed koperazzjoni ekonomika internazzjonali;

WAQT LI JAFFERMAW ir-rieda komuni tagħhom li jikkontribwixxu għal fażi ġdida ta’ koperazzjoni ekonomika internazzjonali u biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tar-riżorsi umani u materjali rispettivi tagħhom fuq il-bażi ta’ libertà, ugwaljanza u ġustizzja;

IDDEĊIDEW li jikkonkludu Ftehim ta’ Kooperazzjoni Kummerċjali u għal dan il-għan innominaw bħala l-plenipotenzarji tagħhom:

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ:

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA ISLAMIKA TAL-PAKISTAN:

LI, wara li skambjaw bejniethom il-Pieni Poteri tagħhom, li nstabu li kienu tajbin u fil-forma dovuta,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Partijiet Kontraenti huma ddeterminati li jiżviluppaw l-iskambji kummerċjali tagħhom fuq il-bażi ta’ vantaġġ komparattiv u ġid reċiproku sabiex jikkontribwixxu għall-progress ekonomiku u soċjali tagħhom u lit-titjib tal-bilanċ tal-kummerċ reċiproku tagħhom għal livell għoli kemm hu possibbli.

Artikolu 2

Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, jagħtu lil xulxin it-trattament tal-pajjiż meqjus l-iktar favorit skond id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tarriffi u l-Kummerċ.

Artikolu 3

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħtu lil xulxin l-għola grad ta’ liberalizzazzjoni ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet li japplikaw lil pajjiżi terzi b’mod ġenerali, u għandhom ifittxu biex jipprovdu faċilitajiet massimi kompatibbli mall-politiki u obbligazzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward ta’ prodotti ta’ interess għal kull parti.

Artikolu 4

Il-Partijiet Kontraenti jintrabtu biex jippromovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ reċiproku tagħhom sa l-ogħla livell possibbli. Għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha biex jilħqu dawn ir-riżultati, inklużi miżuri partikolari li huma rilevanti għad-disinn u potenzal tal-kummerċ reċiproku tagħhom.

Artikolu 5

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiżvilluppaw il-koperazzjoni ekomomika tagħhom, meta konnessa mall-kummerċ, f’oqsma ta’ interess reċiproku u fid-dawl ta’ żviluppi fil-politiki ekonomiċi tagħhom.

Artikolu 6

Bil-għan li jiġu mplimentati l-Artikoli 4 u 5, il-Partijiet Kontraenti jiftehmu li jkabbru l-kuntatti u l-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ekonomiċi tagħhom u biex jappoġġaw l-istituzzjonijiet li ġew stabbiliti jew jistgħu jiġu stabbiliti għal dan il-għan.

Artikolu 7

Il-Partijiet Kontraenti għandhom ifittxu jżidu l-koperazzjoni tagħhom f’kwistjonijiet kummerċjali u kwistjonijet ekonomiċi relatati f’pajjiżi terzi, sa fejn dan hu fl-interess reċiproku tagħhom.

Artikolu 8

1. Kummissjoni Konġunta għandha tiġi stabbilita li tinkludi rappreżentanti tal-Komunità u tal-Pakistan. Għandha jkollha laqgħa waħda kull sena. Laqgħat addizzjonali jistgħu jiġu msejħa b’ftehim komuni fuq it-talba ta’ kwalunkwe Parti Kontraenti.

2. Il-Kummissjoni Konġunta għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura u programm ta’ xogħol proprji.

3. Il-Kummissjoni Konġunta tista’ tistabbilixxi sotto-Kummissjonijiet speċjalizzati biex jgħinuha fl-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kompiti kif tista tordna.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni Konġunta għandha tassigura l-funzjonament xieraq ta’ dan il-Ftehim u għandha tagħmel u tirrakkomanda miżuri prattiċi biex tilħaq l-għanijiet tagħha. Għandha teżamina kwalunkwe diffikultajiet li x’aktarx ifixklu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta’ kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 10

Partikolarment il-Kummissjoni Konġunta għandha:

(a) tistudja u tippjana metodi biex tegħleb il-barrieri għall-kummerċ u partikolarment barrieri mhux tat-tariffi u kważi tat-tariffi fis-setturi varji tal-kummerċ, bit-teħid in kunsiderazzjoni tax-xogħol rilevanti mibdi f’dan il-qasam mill-organizzazzjonijiet internazzjonali in kwistjoni;

(b) taħdem biex issib metodi biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ koperazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn il-Partijiet Kontraenti, sa fejn dan jippromovi l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ tagħhom;

(ċ) tiffaċilita skambji ta’ informazzjoni u tinkoraġixxi kuntatti fuq is-suġġetti kollha li jaffettwaw il-prospetti għal koperazzjoni fil-qasam ekonomiku bejn il-Partijiet Kontraenti fuq bażi ta’ vantaġġ reċiproku u l-kreazzjoni ta’ kondizzjonijiet favorevoli għal din il-koperazzjoni.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni Konġunta għandha tassigura l-funzjonament xieraq ta’ kwalunkwe Ftehimiet settorali bejn il-Partijiet Kontraenti u, għal dan il-għan, għandha teserċita r-responsabbilitajiet mogħtija lill-korpijiet konġunti li ġew stabbiliti jew li jistgħu jiġu stabbiliti taħt dawn il-Ftehimiet.

Artikolu 12

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu sostitwiti għal dispożizzjonijiet ta’ Ftehimiet konklużi bejn Stati Membri tal-Komunità u l-Pakistan sa l-estent sa liema dawn ta’ l-aħħar huma jew mhumiex kompatibbli jew identiċi ma’ dawk ta’ qabel.

Artikolu 13

L-Annessi jifformaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Dan il-Ftehim għandu jgħodd għat-territorji fejn it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea japplika, fuq il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u lit-territorji fejn il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan tapplika.

Artikolu 15

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara d-data fuq liema l-Partijiet Kontraenti jinnotifkaw lil xulxin tal-kompletar tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-iskop.

2. Dan il-Ftehim hu konkluż għal perjodu ta’ ħames snin u għandu jiġi estiż minn sena għal sena jekk l-ebda mill-Partijiet Kontraenti ma jiddenuzja għalih sitt xhur qabel id-data ta’ skadenza..

3. Jekk iż-żewġ Partijiet Kontraenti jiftehmu, dan il-Ftehim jista’, madankollu, jiġi emendat fi kwalunkwe żmien, biex jittieħdu in konsiderazzjoni sitwazzjonijiet emerġenti fil-qasam ekonomiku u l-evoluzzjoni ta’ politiki ekonomiċi fuq iż-żewġ naħat.

Artikolu 16

Dan il-Ftehim hu magħmul f’żewġ kopji fl-ilsien Daniż, Olandiż, Ingliż, Franċiż u Taljan, kull test hu ugwalment awtentiku.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-funzjonament tal-Kummissjoni Konġunta

1. Ir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti fil-Kummissjoni Konġunta għandhom jittrasmettu r-rakkomandazzjonijiet miftehma lill-awtoritajiet rispettivi tagħhom. Fil-każ li l-Kummissjoni Konġunta ma tkunx tista' tevolvi rakkomandazzjoni dwar kwistjoni kkunsidrata minn kwalunkwe Parti Kontraenti bħala urġenti jew importanti, għandha tagħti l-fehmiet taż-żewġ naħat lill-awtoritajiet imsemmija għal aktar kunsiderazzjoni.

2. Il-Kummissjoni Konġunta għandha, meta qed tagħmel proposti u rakkomandazzjonijiet, ikollha rigward xieraq għall-pjanijiet ta' żvilupp tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan u għall-progress ta' politiki ekonomiċi, industrijali, soċjali, ambjentali u xjentifiċi tal-Komunità kif ukoll għal-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-Partijiet Kontraenti.

3. Il-Kummissjoni Konġunta għandha teżamina possibilitajiet ta' u tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-użu effiċjenti ta' l-istrumenti kollha li qegħdin għad-dispożizzjoni, minbarra t-tariffi tal-pajjiż meqjus l-iktar favorit u Preferenzi Ġeneralizzati, biex tinkoraġixxi il-kummerċ f'affarijiet ta' interess għar-Repubblika Islamika tal-Pakistan.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Dikjarazzjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar aġġustamenti ta' tariffi u miżuri oħra għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ

1. Fl-1 ta' Lulju 1971, il-Komunità awtonominament introduċiet Skema Ġeneralizzata ta' Preferenzi fuq il-bażi tar-Reżoluzzjoni 21 (II) tat-Tieni Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, 1968. Il-Komunità hi ppreparata, matul l-isforzijiet tagħha biex ittejjeb din is-sistema, biex tieħu in konsiderazzjoni l-interessi tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan fl-estenzjoni u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mall-Komunità.

2. Il-Komunità hi ppreparata wkoll li teżamina fil-Kummissjoni Konġunta possibiltajiet għal aġġustamenti tat-tariffi biex tippromovi l-iżvilupp tal-kummerċ mall-Pakistan.

3. Waqt li tirrikonoxxi l-importanza essenzali ta' esportazzjonijiet ta' prodotti tal-qoton u ross Basmati għall-iżvilupp ekonomiku tal-Pakistan, il-Komunità lesta teżamina fil-Kummissjoni Konġunta s-sitwazzjoni tal-kummerċ tal-Pakistan mall-Komunità f'dawn il-prodotti u li tesplora possibiltajiet għall-faċilitazzjoni tiegħu, sa fejn huma in kwistjoni l-prodotti tal-qoton sa l-estent permess mill-ftehim li hemm bħalissa bejn il-Partijiet Kontraenti u l-obbligazzjonijiet multilaterli tagħhom.

4. Il-Komunità tifhem li r-Repubblika Islamika tal-Pakistan għandha wkoll tkun ippreparata li tiddiskuti fil-Kummissjoni Konġunta il-proposti tal-Komunità, jekk hemm, fir-rigward ta' aġġustamenti tat-tariffi mir-Repubblika Islamika tal-Pakistan immirati lejn l-iżvilupp tal-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, waqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp tal-Pakistan.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Dikjarazzjoni tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan dwar aġġustamenti ta' tariffi u miżuri oħra biex ikun iffaċilitat il-kummerċ

1. Ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan tinnota li l-Komunità hi ppreparata, matul l-isforzi tagħha biex ittejjeb is-sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati, biex tieħu in konsiderazzjoni l-interessi tar-Repubblika Islamika tal-Pakistan fl-estenzjoni u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mall-Komunità. F'din il-konnessjoni, ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan għandha tiddentifika għal konsiderazzjoni mill-Komunità l-oqsma ġo liema l-Preferenzi Ġeneralizzati tal-Komunità jistgħu jittejbu, fuq kollox fil-kuntest tad-dispozizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Ħsieb.

2. Ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan tinnota wkoll li l-Komunità hi ppreparata teżamina fil-Kummissjoni Konġunta possibilitajiet għal aġġustamenti ta' tariffi biex jippromovu l-iżvilupp ta' kummerċ mall-Pakistan. F'din il-konnessjoni, ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan tista' tinnotifika l-Komunità bi prodotti fir-rigward ta' liema konċessjonijiet bħal dawn huma mixtieqa, għal eżaminazzjoni fil-Kummissjoni Konġunta.

3. Ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan tinnota wkoll li l-Komunità hi lesta li teżamina fil-Kummissjoni Konġunta s-sitwazzjoni tal-kummerċ tal-Pakistan mall-Komunità fi prodotti tal-qoton u ross Basmati u li tesplora possibiltajiet biex tkun iffaċilitata, sa fejn huma in kwistjoni prodotti tal-qoton sa l-estent permess mill-ftehim li hemm bħalissa bejn il-Partijiet Kontraenti u l-obbligazzjonijiet multilaterali tagħhom.

4. Ir-Repubblika Islamika tal-Pakistan għandha tkun ippreparata wkoll tiddiskuti fil-Kummissjoni Konġunta l-proposti tal-Komunità, jekk hemm, fir-rigward ta' aġġustamenti tat-tariffi mir-Repubblika Islamika tal-Pakistan immirati lejn l-iżvilupp tal-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, waqt li jittieħdu in konsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp tal-Pakistan.

--------------------------------------------------